Il-bżonn biex nersqu aktar lejn approċċ ħolistiku għall-kura tas-saħħa mentali kien is-suġġett diskuss waqt l-ewwel konferenza annwali organizzata mid-Dipartiment għas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Università ta’ Malta, l-Erbgħa 6 ta’ Lulju 2022, ġewwa l-bini ta’ Learning Works, f’Ħal Qormi.
Għal din il-konferenza, li ġiet sponsorjata minn HILA Homes, attendew diversi professjonisti kif ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ CareMalta, James Sciriha. HILA, li hi kumpanija li taqa’ taħt il-kappa ta’ CareMalta, toffri servizz ta’ kura speċjalizzata u li permezz tagħha l-persuni jiġu ggwidati biex jiżviluppaw il-massimu tal-abbiltajiet tagħhom.
Waqt il-preżentazzjoni li għamel, il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes, Janet Silvio, iffukat fuq il-miri li ntlaqħu fis-settur li HILA taħdem fih kif ukoll dwar x’inhuma l-isfidi. Hi spjegat kif HILA tiffoka fuq 3 mudelli ta’ kura u kif fil-ħidma tagħha timxi fuq mudell ta’ kura aktar soċjali milli dak kliniku.
“Attwajna dawn il-mudelli billi adottajna tibdil fil-mod kif naħdmu, nipprattikaw il-ġentilezza, nippruvaw noħolqu konnettività kemm mal-impjegati kif ukoll mal-klijenti, nenfasizzaw fuq il-parentela u l-benefiċċji li ta’ dak li noffru aħna bħala l-familja estiża. Iżda qabel dan kollu naraw il-persuna u kif bħal kulħadd għandha skop fil-ħajja u fis-soċjetà li jiffurmaw parti minnha”, qalet Janet Silvio.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ HILA Homes kompliet tispjega wħud mill-isfidi li jaffaċċjaw fis-settur li jaħdmu fih, fosthom, il-bżonn ta’ empatija, il-kumplessità tax-xogħol innifsu u l-biża’ tal-bidla.
Janet Silvio semmiet kif sa mill-bidu tagħha, HILA, dejjem imxiet fuq Artiklu 19 tal-UNCRPD, li jenfasizza l-għażla u l-inklużjoni, li huma prinċipji applikati kemm f’Casa Apapa Bologna kif ukoll f’Casal Nuovo, u li huma msemmija ukoll fl-istrateġija għas-saħħa mentali.
Din mhix l-ewwel darba li HILA kkollaborat mad-Dipartiment tas-Saħħa Mentali fi ħdan l-Università ta’ Malta hekk kif permezz ta’ Casal Nuovo, HILA toffri opportunitajiet lil infermiera li jridu jispeċjalizzaw fil-kura tas-saħħa mentali u li jkunu għaddejjin bl-istudju tagħhom fl-Università ta’ Malta.
Għal aktar informazzjoni dwar HILA tista’ żżur dan is-sit elettroniku:
www.https://hila.com.mt/