Il-Prim Ministru ta’ Iżrael Benjamin Netanyahu reġa’ nsista li Iżrael għandu jżomm il-kontroll tas-sigurtà fuq it-territorji Palestinjani kollha. Huwa qal li din il-kundizzjoni kienet “kuntrarja” għat-twaqqif ta’ stat Palestinjan fil-futur.
L-aħħar intervent tal-PM Iżraeljan deher li kompla jżid il-qasma pubblika bejn il-gvern tiegħu u l-Istati Uniti dwar it-tmexxija futura ta’ Gaża u l-West Bank meta l-kunflitt f’Gaża jiġi fi tmiemu.
L-Istati Uniti temmen li stat Palestinjan flimkien ma’ Iżrael – magħruf bħala “soluzzjoni ta’ żewġ stati” – huwa vitali għal stabbiltà fit-tul. Iżda l-White House fil-jiem li għaddew irrikonoxxiet li l-gvernijiet tal-Istati Uniti ta’ Iżrael qegħdin “jaraw l-affarijiet b’mod differenti.”
Meta tkellem mal-ġurnalisti, Biden insista li soluzzjoni ta’ żewġ stati kienet għadha possibbli b’Netanyahu fil-kariga. “Hemm diversi tipi ta’ soluzzjonijiet ta’ żewġ stati. Hemm numru ta’ pajjiżi li huma membri tan-Nazzjonijiet Uniti li… m’għandhomx il-militar tagħhom stess,” huwa żied jgħid.
Intant, fi stqarrija maħruġa mill-uffiċċju tal-Prim Ministru ta’ Iżrael intqal li: “Fil-konverżazzjoni tiegħu mal-President Biden, Netanyahu tenna l-politika tiegħu li wara li l-Ħamas jinqered l-Iżrael għandu jżomm il-kontroll tas-sigurtà fuq Gaża biex jiżgura li Gaża ma tibqax theddida għal Iżrael, rekwiżit li jikkontradixxi t-talba għas-sovranità Palestinjana”.