Sunday, December 22, 2024

Netanyahu jgħid li l-ġlied qawwi f’Rafah qed joqrob lejn tmiemu

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qal li l-fażi “intensa” tal-ġlied f’Rafah kważi spiċċat, iżda dan ma jfissirx li l-gwerra waslet biex tintemm. Huwa qal li l-gwerra se tibqa’ għaddejja sakemm il-Ħamas jitneħħa kompletament mill-poter.

Netanyahy żied jgħid li l-militar Iżraeljan dalwaqt se jkun jista’ jibgħat mill-ġdid it-truppi lejn il-fruntiera mal-Libanu, fejn l-attakki mal-Hezbollah qed jiżdiedu. Min-naħa l-oħra, huwa reġa’ warrab l-idea li l-Awtorità Palestinjana bbażata fil-West Bank għandha tkun hi li tmexxi Gaża minflok il-Ħamas.

“Fl-aħħar mill-aħħar se jkun hemm żewġ affarijiet: ser ikollok bżonn id-demilitarizzazzjoni militari li għaddejja mill-Forzi tad-Difiża ta’ Iżrael u l-bżonn li tistabbilixxi amministrazzjoni ċivili, nispera li bl-appoġġ u l-ġestjoni ta’ ċerti pajjiżi fir-reġjun. Naħseb li dan huwa l-mod it-tajjeb biex nimxu ‘l quddiem,” huwa qal f’intervista televiżiva Iżraeljana.

“Ngħidilkom x’m’iniex lest nagħmel. M’iniex lest li nwaqqaf stat Palestinjan hemmhekk. Mhux lest ngħaddih f’idejn l-Awtorità Palestinjana. Mhux lest nagħmel dan.”

Sadanittant, ir-residenti ta’ Rafah qalu li fis-sigħat li għaddew hemm aktar ġlied f’din il-belt, filwaqt li attakki mill-ajru Iżraeljani kienu rrappurtati li qatlu lid-direttur tas-servizzi ta’ emerġenza tal-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas. Intlaqat ukoll ċentru tad-distribuzzjoni tal-għajnuna, bl-IDF tgħid li dan kien qiegħed jintuża mill-Ħamas.

Ekonomija

Sport