Saturday, February 22, 2025

NEWTRALITÀ

Aqra wkoll

Naħseb li jkun żball jekk kwalunkwe diskussjoni dwar it-tiġdid possibbli tan-newtralità ta’ Malta titlaq minn kunsiderazzjoni dwar kemm il-pajjż għandu jonfoq fuq militar u sigurtà. Mhux għax dan mhux fattur importanti imma jekk tibda bih, il-biċċa tkun qed tinqabad minn denbha.

L-aġġornament tal-kunċett tan-newtralità – jekk hemm bżonnu tassew: fattur ieħor li għandu jiġi diskuss – irid jitlaq minn spjega ċara ta’ fiex għandha tikkonsisti n-newtralità Maltija f’termini politiċi u diplomatiċi. Dawn imbagħad għandhom jintrabtu mar-realtajiet internazzjonali tal-lum u mas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Wara, kollox ikun irid jitpoġġa fil-qafas ta’ politika ta’ sigurtà interna u esterna, u ta’ difiża addatta għal Malta li ċertament m’għandhiex tinżamm limitata għall-aspetti militari. Minn hekk, naslu għall-kunsiderazzjonijiet dwar l-impenji finanzjarji meħtieġa għas-sigurtà u d-difiża.

Fil-grupp “Paċi u Newtralità” li kien waqqaf Sammy Meilaq konna għamilna progress tajjeb f’din id-direzzjoni. Dnub li l-grupp sa fejn naf, ma baqax attiv.

SETTURI

Id-diskors dwar l-ekonomija Maltija ta’ spiss isir wisq b’mod ġenerali. Mill-informazzjoni dwar it-tkabbir fl-ekonomija kollha kemm hi kif imkejla skond il-prodott gross nazzjonali jintelqu konklużjonijiet wiesgħa dwar jekk dan hux sodisfaċenti biżżejjed 

  Mentri sar importanti li nżommu kont ta’ kif tinsab maqsuma l-ekonomija f’setturi differenti. F’kull settur, isseħħ loġika kompetittiva b’regoli differenti minn tal-oħrajn.  Jeżistu rabtiet bejn setturi diversi fejn jikkontribwixxu għat-tkabbir ta’ xulxin.

Kull settur jixraqlu analiżi  separat fuq aspetti ewlenin bħall-finanzjament tiegħu, l-investimenti li jsiru fih, is-suq tiegħu, il-ħaddiema li jinvolvi, il-pagi li joffri, il-marġini tal-profitti li jsostni.

IN-NATO IMQANFED

Diffiċli tiftakar żmien fejn l-alleanza tan-NATO kienet daqstant imħawda. Din id-darba mhux dwar x’għandha tagħmel kontra xi sfida militari minn barra, daqskemm dwar l-attitudni Amerikana. 

Jidher ċar li dwar l-Ukrajna l-amministrazzjoni ta’ Trump lesta tagħmel il-kalkoli tagħha għal rasha. Jekk iridu, l-bqija tal-membri tan-NATO jistgħu jsegwu fil-passi tagħha. “Agħar” minn hekk, bl-emfażi ġdida Amerikana dwar li trid tiffoka fuq reġjunijiet oħra tad-dinja u tħalli lill-Ewropej jieħdu ħsieb huma s-sigurtà tagħhom, ħafna mill-iskopijiet tan-NATO se jispiċċaw mherrija.

Mark Rutte s-segretarju ġenerali tan-NATO għandu biċċa xogħol iebsa fix-xhur li ġejjin biex isostni anke l-koerenza tal-blokk militari li jmexxi (jekk “imexxi” hi l-kelma t-tajba). Stqarrijiet li saru minn Washington jinħassu bħala kontradizzjoni diretta ta’ proposti li Rutte diġà kien għamel fiż-żmien qasir li ilu segretarju ġenerali, speċjalment dwar l-Ukrajna u r-relazzjonijiet mar-Russja ta’ Putin. Il-kwistjonijiet dwar kemm qed jonfqu jew ma jonfqux l-Ewropej fuq difiża waħidhom ma jispjegawx għaliex dan l-aħħar in-NATO qed tidher imqanfda. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport