L-attakkant Brażiljan, Neymar, żvela li teżisti possibbiltá li ma jilgħabx aktar football internazzjonali li jfisser li mhux qed jiggarantixxi li jilgħab aktar għal pajjiżu.
Huwa qal dan wara l-eliminazzjoni tal-Brażil mill-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja meta sfaw megħluba mill-Kroazja bl-għoti tal-penalties.
“Ma jien se nagħlaq l-ebda bieb tat-team nazzjonali iżda lanqas qed niggarantixxi 100” li se nirritorna,” qal il-player ta’ 30 sena li deher emozzjonat għall-aħħar.
“Għandi bżonn naħseb ftit iktar dwar dan, dwar x’inhu l-aħjar ħaġa għalija u għat-team nazzjonali.”
Neymar fetaħ l-iskor għall-Brażil kontra l-Kroazja biex laħaq ir-rekord ta’ Pelé bħala l-aqwa skorer ta’ kull żmiem tal-Brażil b’total ta’ 77 goals.
Iżda mbagħad tliet minuti mit-tmiem tal-ħin barrani, Bruno Petkovic kiseb id-draw għall-Kroazja biex il-partita kellha tmur għall-għoti tal-penalties b’dawn tal-aħħar jirbħu 4-2, fejn l-isforz ta’ Rodrygo ġie salvat minn Dominik Livakovic filwaqt li Marquinhos laqat sieq il-lasta.
“Dan huwa l-agħar mument tal-karriera tiegħi.” qal Neymar. “Huwa diffiċli li nsib il-kliem biex niddeskrivi dan il-mument. “Iġġilidna u jien kburi bi sħabi, kburi bil-karattru li wrejna matul dan it-tournament.
“Naħseb li huwa tmiem ta’ ċiklu.”