Saturday, March 14, 2026

“Ngħaddu s-sengħa lill-priġunieri u ngħallmuhom id-dinja tax-xogħol”

Jiżdiedu n-nies li jmorru jixtru ikel tradizzjonali ħiereġ mill-forn tal-ħabs

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

“L-iskop tal-forn tal-Ħabs huwa sabiex il-priġunieri jitgħallmu s-sengħa u kif inhi d-dinja tax-xogħol. Nistgħu ngħidu li minn sena għal oħra, in-nies qed jiżdiedu”.

Iddikjara danl-Uffiċjal Korrettiv Anzjan Charles Bonnici f’kummenti ma’ dan il-ġurnal. Bħalissa kull minn jgħaddi minn quddiem il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin jista’ mhux biss jara iżda wkoll jixtri ikel tradizzjonali ħiereġ direttament mill-forn tal-ħabs. 

Il-forn tal-ħabs magħruf sew għall-furnati tiegħu u issa tista’ dduq il-ħobż li jinħema fih u fl-istess waqt tgħin lir-residenti tal-Faċilità Korrettiva biex isaħħu l-ħiliet tagħhom. Għal dawk il-ħaddiema ġewwa l-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, dan iż-żmien huwa ftit iktar speċjali hekk kif isiru prodotti tradizzjonali relatati ma’ dan iż-żmien tas-sena bħalma huma l-qagħaq tal-appostli.

Fl-aħħar jiem bosta kienu dawk li marru jixtru xi wieħed minn dawn il-prodotti ġenwini minn kiosk quddiem il-Faċilità Korrettiva. Fost dawn, wieħed isib qagħaq tal-appostli, figolli, pasti u aktar. Din l-attività bdiet madwar 12-il sena ilu. L-għan prinċipali ta’ dan kollu huwa li permezz t’hekk il-priġunieri jiġu introdotti għax-xogħol u jgħin biex fihom jitnissel is-sens li qed jikkontribwixxu lis-soċjetà. 

Ma’ dan il-ġurnal, Bonnici spjega wkoll li dawn il-prodotti ġejjin grazzi għat-tim ta’ gwardjani, furnara u dulċiera li jaħdmu fil-kċina. “Is-sintonija li teżisti bejnietna hija dinamika.” Huwa sostna wkoll li bosta priġunieri jqumu kmieni filgħodu sabiex jaħmu l-qagħaq u jibqgħu sejrin ġurnata sħiħa sat-tindif.

Għal dawk kollha li jkunu jridu jixtru xi prodotti, dawn huma d-dati li se jkunu miftuħin: 13 ta’ Marzu sal-15 ta’ Marzu, mit-18 ta’ Marzu sat-22 ta’ Marzu u mis-27 ta’ Marzu sal-5 ta’ April mit-8.00 a.m. sal-5:00 p.m.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport