Il-Ministru Clyde Caruana magħruf li jgħidha kif inhi. Jikkomunika dak li jrid jgħid bl-aktar mod dirett u ċar. Hekk għamel fil-jiem li għaddew meta nieda d-dokument ta’ qabel il-budget li se jkun qed jitħabbar fis-27 ta’ Ottubru.
Fl-introduzzjoni tiegħu semma punt importanti ferm li jeħtieġ li jiġi diskuss aktar. Diskuss fuq bażi ta’ statistika, diskuss b’maturità u fuq kollox diskuss bl-intenzjoni ċara li titfassal it-triq ‘il quddiem biex tindirizza r-realtà li nistgħu niffaċċjaw jekk ma jsir xejn.
Il-Maltin tul is-Snin
Nismagħhom jgħidu Malta tal-Maltin. Imma fil-futur, se jibqa’ jkollna Maltin? Il-Maltin t’għada min se jkunu. Is-suċċess ta’ pajjiż jiddependi minn ħafna fatturi fosthom mill-poplu li jkollu dak il-pajjiż. Pajjiżna, li m’għandu ebda riżorsa naturali għajr il-ħiliet tal-poplu Malti qed jiffaċċja realtà li teħtieġ li tiġi indirizzata.
Pajjiżna tul is-snin ra bidliet kbar fil-popolazzjoni tiegħu. Minn poplu ċkejken li kien jiddependi minn dak li jħallulu l-ħakkiema barranin biex jgħix, għal poplu li kiseb l-indipendenza u l-ħelsien sħiħ. Poplu li kiber iżda li bosta Maltin kellhom ifittxu futur ’il bogħod minn xtutna għaliex pajjiżna ma kellux il-ħila joħloq l-opportunitajiet meħtieġa.
Xogħol għal kulħadd
Dik il-parti tal-istorja tidher kapitlu mbiegħed. Illum pajjiżna, mhux talli qed joħloq l-opportunitajiet tax-xogħol għall-Maltin, talli pajjiżna jeħtieġ ħaddiema minn pajjiżi oħra biex jimlew il-postijiet tax-xogħol li l-ekonomija tagħna qed tibqa’ toħloq. Kawża ta’ dan il-popolazzjoni ta’ pajjiżna kibret fl-aħħar snin iżda kibret kawża tal-preżenża ta’ aktar persuni minn pajjiżi oħra aktar milli bis-saħħa ta’ aktar tfal Maltin.
Filwaqt li l-popolazzjoni ta’pajjiżna kibret, ir-rata tat-twelid f’pajjiżna baqgħat tonqos u llum qegħda f’rata mill-aktar baxxa. Dan il-fatt huwa wieħed ta’ tħassib meta tistaqsi min se jkunu l-Maltin tal-futur. In-nuqqas ta’ twelid ta’ tfal fih impatt fuq diversi affarijiet. L-ewwelnett, jekk jitwieldu inqas tfal, għada pitgħada, min se jkunu l-ħaddiema Maltin? Jekk jitwieldu inqas tfal filwaqt li l-persuni jgħixu aktar, min se jkun qed jaħdem biex jitħallsu l-pensjonijiet tal-anzjani?
Jonqsu t-tfal Maltin
Jekk it-tfal Maltin ikomplu jonqosu pajjiżna se jsir dejjem aktar dipendenti fuq il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema minn pajjiżi oħra. L-ekonomija ta’ pajjiżna kibret b’tali mod li m’għandiex biżżejjed ħaddiema minn fostna biex ikunu parti mill-forza tax-xogħol meħtieġa. Dan it-tkabbir ekonomiku huwa meħtieġ biex jinħoloq il-ġid li jibqa’ jsostni tant u tant benefiċċji u servizzi pubbliċi li qed igawdi minnhom kulħadd. Wieħed għalhekk tajjeb li jistaqsi kif se tkompli tevolvi s-soċjetà Maltija fil-futur.
Issa li nafu li r-rata baxxa ta’ twelid tat-tfal se jkollha impatt kbir fuq il-futur ta’ pajjiżna, issegwi l-mistoqsija x’hemm bżonn li nagħmlu biex din ir-realtà tiġi indirizzata? Mhux biżżejjed li ngħidu li għandna rata tat-twelid baxxa f’pajjiżna. Hemm bżonn li b’mod nifhmu aktar b’mod strutturat għalfejn il-koppji Maltin qed jagħżlu li jkollhom ħafna inqas tfal jew jagħżlu li ma jkollhomx tfal.
It-triq ’il quddiem
L-analiżi trid tħares lejn din ir-realtà minn aspetti differenti. Ħafna jgħidu li qed jagħżlu li jkollhom inqas tfal għal raġunijiet finanzjarji iżda jidher li hemm ħafna aktar minn raġuni waħda. Filwaqt li wieħed irid jirrikonoxxi li qed jiddaħħlu miżuri għal aktar sostenn għall-familji hemm bżonn ta’ aktar għarfien dwar il-miżuri li hemm bżonn jittieħdu biex naraw din dan il-fenomenu jiġi indirizzat b’mod strutturat u fl-inqas żmien.
Fiż-żmien li ġej huwa importanti li l-punt li qanqal il-Ministru Caruana u li ssemma f’diversi okkażjonijiet mill-Arċisqof Scicluna jibqa’ jiġi diskuss f’aktar dettall. Diskuss bil-għan li jistabu soluzzjonijiet filwaqt li tinħoloq aktar kuxjenza dwar din ir-realtà. L-għażliet li nagħmlu llum huma t-tfassil tal-ġejjieni ta’ pajjiżna.