Għadhom għaddew l-ewwel ftit jiem tas-sena u tista’ tgħid l-avvenimenti speċjalment fuq il-livell internazzjonali għadħom ma waqfux. Fl-aħħar jiem tas-sena 2025, id-dinja segwiet tentattiv mingħajr ebda riżultat konkret biex il-kunflitt fl-Ukrajna jieqaf. Zelensky vvjaġġa lejn l-Istati Uniti biex jiltaqa’ ma’ Trump bil-għan li jiġi diskuss ftehim għall-paċi wara li l-invażjoni u l-attakki Russi fuq l-Ukrajna ilhom kważi 4 snin.
Fis-sigħat ta’ qabel iż-żjara ta’ Zelensky fl-Istati Uniti, ir-Russja, fl-eqqel tal-Milied għamlet attakk spjetat fuq l-Ukrajna. Bħal donnu r-Russi riedu jgħaddu messaġġ ta’ saħħa fuq l-Ukrajna qabel ma’ Zelensky jmur għand Trump.
Il-laqgħa bejn Zelensky u Trump kienet deskritta bħala kordjali. Trump bil-mod tiegħu jgħid li sar ħafna progress imma ftehim għall-waqfien minn dan il-ġlied ma rriżultax. Qajla konna nobsru li kien qed jinħema pjan min-naħa tal-Istati Uniti fil-konfront tal-Venezwela.
Fit-3 ta’ Jannar, l-attenzjoni tal-medja daret min-naħa tal-Ukrajna, in-nies tal-Palestina ma ssemmewx minkejja li għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tal-attakki atroċi tal-Israel, u d-dinja segwiet attakk militari tal-Istati Uniti fuq Veneżwela.
Avvenimenti u dikjarazzjonijiet li ma jitwemmnux
Kien ilu jberraq fuq il-Veneżwela. Kien ilu hemm rapporti li qed isiru interventi fil-konfront ta’ dan il-pajjiż. Għall-bidu, l-ewwel aħbarijiet kienu li l-Istati Uniti attakkaw lil Venezwela fuq postijiet strateġiċi. Imma l-istorja ma waqfitx hemm u kien hemm storja akbar li kienet għaddejja.
Wara li d-dinja saret taf bl-attakki fuq il-Veneżwela, tħabbar li l-forzi tal-Istati Uniti kienu daħlu bil-forza u qabdu lil President Maduro u ħaduh lejn l-Amerika biex jitressaq quddiem il-Qrati Amerikani b’akkużi marbuta ma’ traffikar ta’ droga. Avvenimenti jsegwu avvenimenti u dikjarazzjoni li bosta ma setgħux jemmnu li verament kienu qed isiru speċjalment b’ordnijiet ta’ President Amerikan.
L-istorja ma waqfitx ħemm. Il-President Trump mħux biss iddikjara b’ton vittorjuż li l-President Maduro kien f’idejn il-forzi Amerikani u li kien se jiffaċċja akkużi serjissimi kriminali, talli iddikjara li l-Amerika se tmexxi lill-Veneżwela sakemm issir tranżizzjoni. Il-mistoqsija li qed issir hija allura r-rieda tal-poplu Veneżwelan fejn qiegħda f’dan kollu?
Il-gvern ta’ Maduro ma kienx rikonoxxut minn bosta istituzzjonijiet internazzjonali minħabba l-mod kif tmexxew l-elezzjonijiet. Il-gvern Veneżwelan kien suġġett għal bosta kundanni u l-metodi awtoritarji huma kundannabbli. Iżda dak li seħħ fl-aħħar jiem qajjem bosta mistoqsijiet dwar il-legalità ta’ dak li seħħ.
Intervent bla ebda bażi legali
Il-Kunsill tas-Siġurtà tal-Ġnus Magħquda iddiskuta dak li seħħ u s-Segretarju Ġenerali Gutierrez saħaq li dak li sar m’għandu ebda bażi legali. Il-Ġnus Magħquda għandha d-dover li tiddefendi d-dritt internazzjonali iżda fid-dinja tal-politika internazzjonali hemm stejjer kbar u twal ta’ might is right, min hu b’saħħtu jħawwel. Dan kollu fejn iwassalna?
Id-dinja qed issir post dejjem aktar ikkomplikat u dawn l-avvenimenti joħolqu inċertezzi kbar. Joħolqu tensjonijiet ġodda u li jkollħom sfumaturi differenti fosthom kwistjonijet ta’ siġurtà, kwistjonijiet ta’ aċċess għal riżorsi naturali bħaż-żejt u kwistjonijiet marbuta mat-tellieqa ma taqta’ xejn ta’ poter u setgħa li jħobbu juri l-pajjiżi l-kbar.
Jidher li l-attenzjoni fuq dak li qed jgħid u li għamel Trump mhux se tonqos. Bosta esprimew li ma’ Trump ma tistax tgħid din qed jgħidha imma mhux se jagħmilha. Fl-isfond ta’ dan, id-diskors li qed jingħad minn Trump dwar Greenland qed joħloq problemi ġodda li d-dinja ma ratx bħalhom fl-aħħar snin.
Tensjoni ġdida
Filwaqt li l-politika internazzjonali għadha influwenzata bil-qasma li damet sas-snin 90 bejn il-Lvant u l-Punent, issa qed naraw tensjoni ġdida bejn l-Istati Uniti u pajjiżi Ewropej li lkoll huma membri fin-NATO. Ir-risposta tal-Prim Ministru Daniża tikkonferma li d-Danimarka mhux qed tiggosta l-kliem ta’ Trump.
Fejn se naslu b’dan kollu wieħed irid jara. Il-formoli li segwejna fis-snin li għaddew jidher li m’għadhomx applikabbli. Hemm alleanzi ġodda, politika li qed tinbidel u kwalitjiet ta’ politiċi li għandhom viżjoni differenti minn dawk li kellna qabel. Dinja li rridu nifhmuha aħjar. Dinja li trid tħares lura lejn l-istorja u titgħallem minnha filwaqt li tiftakar għalfejn wara t-tieni gwerra dinjija kienet ħolqot il-Ġnus Magħquda u x’kienu l-prinċipji u l-ideali li għaqqad lill-Punent li fl-aħħar snin ġabu l-prosperità.




