Wednesday, May 28, 2025

Ngħiduha kif inhi 

Minn Opinjonista

Aqra wkoll

 

Fi tmiem li ġimgħa li għaddiet, il-Gvern ta rendikont tal-ħidma tiegħu permezz tal-Expo li ġiet organizzata f’Ta’ Qali. Esebizzjoni mill-aktar miftuħa ta’ dak li qed iwettaq il-Gvern permezz tal-entitajiet kollha tiegħu.

Din l-Expo ma tistax titqies bħala esebizzjoni mill-aqwa tas-servizzi li joffri s-settur privat ta’ kuljum, imma kienet opportunità biex il-pubbliku li attenda seta jikseb servizzi waqt li qed isegwi dak kollu li kien għaddej. L-attendenza kienet waħda mill-aktar numeruża u fi tmiem il-ġimgħa serviet bħala ħarġa mill-aqwa għall-familji kollħa b’mod partikolari bl-attivitajiet li ġew organizzati għat-tfal u l-kbar.

Huwa importanti ferm li l-Gvern jikkomunika is-servizzi tiegħu. Dan irid iseħħ mhux biss biex in-nies jingħataw spjega aħjar ta’ dak li qed iseħħ, imma biex il-pubbliku jkun infurmat aħjar dwar dawk is-servizzi li jista’ jikseb li wara kollox huma ffinanzjati minn flus il-poplu.

Pajjiż li jkollu settur pubbliku organizzat tajjeb, li jaħdem b’effiċjenza u li jkun mill-aktar customer friendly ħuwa mezz kif pajjiż ikompli jirnexxi u jimxi ‘l quddiem. Kull min ħadem biex isseħħ din l-Expo ħaqqu kull tifħir.

L-MCAST

Dan l-istitut għandu rwol importanti ferm fis-sistema edukattiva tagħna. Bosta żgħażagħ qed jattendu biex jiksbu ħiliet li jsaħħu l-opportunitajiet tagħhom fid-dinja tax-xogħol. L-MCAST illum għandu akkreditazzjoni mħux biss biex joffri korsijiet fil-livell tekniku iżda saħansitra tista’ tasal sal-livell ta’ degree. Dawn huma avvanzi kbar li saru f’dan l-istitut tul is-snin u li jagħmel l-MCAST kulleġġ mill-aqwa.

Il-Gvern tul is-snin baqa’ jinvesti fl-MCAST permezz ta’ diversi proġetti biex il-campus ħuwa mogħni b’binjiet u faċilitajiet mill-isbaħ u ta’ livell mill-aqwa biex l-esperjenza edukattiva tkun mill-aktar pożittiva. Fl-aħħar jiem, il-Gvern ta l-aqwa pakkett finanzjarju lill-għalliema u letturi fl-MCAST. Dan il-ftehim huwa turija ta’ fiduċja u appoġġ li għandu jkompli jsaħħaħ il-kwalita’ fl-MCAST.

Filwaqt li qed isir dan kollu jeħtieġ illi nħarsu lil ħinn minn dak li qed jiġi investit fl-MCAST. Irridu nħarsu lil ħinn minn dik il-lista enormi ta’ korsijiet li joffri dan il-kulleġġ. Hemm bżonn nistaqsu iżda kif se nattiraw aktar żgħażagħ lejn l-istudju u t-taħriġ fl-oqsma tekniċi f’pajjiżna. Huwa ċar li ħemm bżonn aktar ħaddiema imħarġa fl-oqsma tekniċi biex ikunu jistgħu jiksbu l-opportunitajiet li qed jinħolqu f’dawn is-setturi.

Il-ħtieġa tat-tisħiħ tat-tagħlim tas-suġġetti tekniċi ilu jinħass. Ħafna jsemmu l-egħluq tal-iskejjel tas-snajja lura fis-snin disgħin iżda il-mudell ta’ dak inħar ma jistax jiddaħħal lura kif kien imma jrid ikun hemm mezzi aġġornati kif dan isir. Konvint li hemm bosta żgħażagħ li għandhom ħiliet bażiċi biex jitħagħllmu f’dawn l-oqsma iżda naħseb li hemm bżonn ta’ gwida biex jimirħu aktar permezz ta’ aktar taħriġ u tagħlim.

L-oqsma varji tax-xogħol f’pajjiżna qed isibuha dejjem aktar diffiċli biex jingaġġaw ħaddiema Maltin b’ħiliet fl-oqsma tekniċi. Din hija realtà li jeħtieġ li tiġi indirizzata. L-MCAST għandu rwol importanti biex iseħħ dan.

Proġetti f’pajjiżna

Kemm ħi ħaġa sabiħa li ġimgħa wara oħra, naraw l-inawgurazzjoni ta’ proġetti li jkunu qed isiru f’pajjiżna mis-settur pubbliku. Diversi entitajiet tal-Gvern u kunsilli lokali jimpenjaw ruħhom biex jagħmlu proġetti ta’ tisbiħ li jiswew ammonti sostanzjali ta’ kull sena.  Dawn il-proġetti jeħtieġ li jkomplu jseħħu anke jekk hemm proġetti li ġieli setgħu saru aħjar kieku ġew ippjanat aħjar.

Minkejja li għandna bosta entitajiet li jwettqu dawn il-proġetti nara li hemm nuqqas serju li bħal donnu ma nistgħux negħlbuh. Filwaqt li hemm żelu u entużjażmu biex jitlestew il-proġetti, ma jidħirx li ħemm l-istess enerġija u dedikazzjoni biex issir il-manutenzjoni ta’ dawn il-postjiet.

Din hija sitwazzoni li teħtieġ li tiġi indirizzata għaliex x’jiswa li jkollna proġetti mill-isbaħ li wara ftit tas-snin jintelqu. Hemm eżempji fejn hemm maintenance plans tajbin iżda dawn l-eżempji huma ftit wisq. Il-manutenzjoni tiswa’ l-flus iżda jekk il-proġetti li jsiru jitħallew għal riħhom, in-nefqa hija akbar.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport