Smajna fuq li smajna dwar il-vjolenza domestika. Meta jiġri każ fejn il-vittma tispiċċa titlef ħajjitha, id-diskussjoni fil-pajjiż bħal donna “tisplodi”. Min jgħid mod u min jissuġġerixxi mod ieħor.
Is-soċjetà bħal donna qed titkellem wisq dwar il-vittma – u sew tagħmel – però qed ninsew punt tat-tluq li jekk ma hemmx aggressur mhux se jkun hemm vittma. Allura bix-xieraq nistaqsu… x’għajnuna qed jingħata l-aggressur? Meta jidħol rapport għand il-pulizija dwar vjolenza domestika, l-aggressur qed ngħinuh?
Biex inti tweġġa’ lill-persuna l-aktar li tħobb f’ħajtek, inti trid tkun għaddej jew għaddejt minn problemi kbar. Ħadd, lanqas l-annimali ma jweġġgħu lill-persuni l-aktar li jħobbu anzi jiddefenduhom.
Però jekk inti tkun għaddej minn problemi allura iva tasal biex twettaq affarijiet li qatt ma jistgħu jkunu ġġustifikati.
Il-problemi jistgħu jkunu ġejjin mit-tfulija, minn esperjenzi tal-passat. Jista’ jkun seħħ xi abbuż fuq l-aggressur meta kien għadu żgħir. Hemm mitt elf raġuni għaliex wieħed jista’ jkollu problemi ta’ aggressjoni fuq il-persuni li jħobb.
Però b’dispjaċir ngħidu li f’Malta l-proċedura mhux dejjem qed taħdem sew. Fi kliem sempliċi meta jidħol rapport ta’ vjolenza domestika għand il-pulizija mill-ewwel jistakka proċess. Ħafna drabi jiġu social workers jaraw hemm xi riskji, tidħol il-domestic violence unit tal-pulizija.
Imbgħad il-pulizija jitkellmu mal-aggressur biex jieħdu l-verżjoni tiegħu u f’ħafna każi dan jitressaq il-qorti.
Għalxejn qed inressqu lill-aggressur il-Qorti u jeħel multa jew ħabs jekk is-soċjetà mhux qed tara u teżamina għaliex l-aggressur wettaq dak li wettaq.
Bl-ebda mod m’aħna niddefendu l-azzjoni, però xi ħadd irid jgħin u jisma’ l-karba tal-aggressuri.
Jekk aggressur titfgħu l-ħabs x’ħin jiskonta s-sentenza se joħroġ minn hemm u jsib vittma oħra.
Allura nemmnu li fil-preżent qed isir ħafna xogħol mal-vittmi u jingħataw għajnuna professjonali ħafna, però wasal il-mument li nibda bis-serjetà ngħinu lill-aggressuri u naraw x’hemm ħażin fl-imġiba tagħhom.
Tkellimna ma’ vittmi u filwaqt li jirrikonoxxu l-għajnuna kollha li ngħataw mill-istat xorta waħda għandhom jgħixu fil-biża’ minħabba li l-aggressur tagħhom minkejja kull sentenza ta’ Qorti xorta waħda ma ngħata l-ebda għajnuna.
Għaldaqstant, filwaqt li rridu nirrikonoxxu li hemm programmi speċifiċi għall-aggressuri, jeħtieġ li jintlaħqu aktar persuni, nisa u rġiel, biex tassew jagħrfu li l-vjolenza domestika hija att mistmerr fil-forom kollha tagħha.