Wednesday, April 24, 2024

Nhar l-Erbgħa jibda vjaġġ skolastiku ġdid

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-edukaturi daħlu lura fil-107 skola statali nhar it-Tnejn li għaddew. Issa jmiss lill-istudenti biex min nhar l-Erbgħa li ġej jibdew huma wkoll il-vjaġġ skolastiku tagħhom fl-iskejjel statali. Id-dħul tal-istudenti huwa mifrux bejn is-7 ta’ Ottubru ‘l quddiem biex sal-14 ta’ Ottubru jkunu daħlu l-istudenti kollha.

“L-istudenti se jidħlu f’ambjent li se jipproteġihom kemm jista’ jkun mir-riskju tat-tixrid tal-imxija”, qalilna l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici, u kompla, “dan huwa possibbli bl-implimentazzjoni ta’ aktar minn 50 miżura li tpoġġew f’posthom ma’ kull kull skola tagħna fil-gzejjer Maltin”.

Dan jixhduħ mhux biss l-assessuri indipendenti li tqabbdu mill-Ministeru għall-Edukazzjoni ‘l hinn minn dak rikjest mill-Awtoritajiet tas-saħħa, imma wkoll l-edukaturi nfushom li issa ilhom ġimgħa fuq il-post tax-xogħol tagħhom bl-aħħar preparamenti biex jilqgħu lill-istudenti.

Mad-dinja kollha din hija sena skolastika differenti mis-soltu. Differenti għax daħlu l-protokolli meħtieġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa kemm internazzjonali u wkoll dawk lokali biex inaqqsu ferm ir-riskju marbut mal-imxija tal-COVID-19.

F’Malta mhux eċċezzjoni. Sa minn kemm ilhom li għalqu ħesrem l-iskejjel minħabba li faqqgħet din il-pandemija, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol intefa’ b’ruħu u ġismu fi preparamenti kemm biex ikompli jgħaddi l-edukazzjoni lil uliedna, imma wkoll biex jara li jipprepara u jkun lest għall-ftuħ eventwali tal-iskejjel kif sar dil-ġimgħa.

“Ħadna pariri, tkellimt ma’ kollegi tiegħi Ewropej, tkellimna ma’ esperti fil-qasam, qgħadna fuq il-pariri li tawna, iddiskutejna mal-imsieħba kollha tas-settur u implimentajna dawn il-miżuri kollha għall-ġid tal-edukaturi u wkoll ta’ uliedna”, spjegalna l-Ministru Bonniċi. “Imma morna aktar minn hekk. Rajna li nqabbdu assessuri indipendenti tal-OHSA biex iduru kull rokna ta’ kull skola biex jagħtu ċertifikat jekk fl-iskejjel kollha kienux implimentati l-miżuri kif mitluba. U bi pjaċir ngħid li kull skola għandha dan iċ-ċertifikat” temm jispjega l-Ministru Bonnici.

Tkellimna wkoll miegħu dwar iż-żjajjar li qed jagħmel bħalissa f’bosta skejjel madwar Malta u Għawdex. Il-Ministru Bonnici qalilna li qed jagħmel dan għal ħafna raġunijiet. Fost dawn biex jiltaqa’ u jirringrazzja lill-edukaturi tax-xogħol li għamlu u qed ikomplu jagħmlu biex fil-jiem li ġejjin jilqgħu lill-istudenti. Imma qiegħed ukoll iżur kull skola biex jara huwa wkoll dak kollu li ġie impliementat.

“Tieħu gost tara l-entużjażmu li qed juru l-edukaturi tagħna”, qalilna l-Ministru Bonnici, “Il-firda minn mal-istudenti ħassewha u jien u nitkellem magħhom matul dawn iż-żjajjar, qed aktar nikkonferma kemm verament iridu ġid u kemm għandhom dedikazzjoni għal uliedna”.

Min naħa tal-Ministeru u tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni sar dak kollu li huwa possibbli u aktar. Għalhekk hija ta’ importanza kbira li kulħadd jiġbed ħabel wieħed u wkoll li jkun hemm il-koperazzjoni ta’ kulħadd.

Tajjeb li l-ġenituri u l-kustodji tat-tfal jifhmu li ‘l ġewwa mill-grada tal-iskola jidħlu biss il-persuni li huma awtorizzati – edukaturi, impjegati tal-iskola u studenti. Imma wkoll importanti li f’din is-sitwazzjoni kulħadd jaħdem id f’id. Diġa hija sena skolastika differenti għat-tfal tagħna. Differenti minħabba r-restrizzjonijiet li huma f’posthom biex jonqos ir-riskju tal-imxija. Għalhekk m’hemmx għalfejn li nżidu paniku bla bżonn jew tixrid ta’ informazzjoni li ma tkunx ibbażata fuq fatti.

Intant il-Ministru Bonnici staqsejnieh ukoll dwar l-iskola tal-Qawra li tlestiet minn kollox, laqgħet l-edukaturi u issa qed tistenna biex tilqa’ wkoll l-ewwel studenti ġo fiha.

“Biċċa xogħol sabiħa mmens”, qalilna l-Ministru Bonnici. “Skola ġdida, moderna, bl-aħħar installazzjonijiet teknoloġiċi, vera proġett li jixraq, u ta’ dan nirringrazzja lil dawk kollha nvoluti, fuq quddiem il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada”.

Proġett ta’ €13-il miljun li flimkien mall-immodernizzar tal-iskola Sekondarja taż-Żejtun u l-bini ta’ estenzjoni f’din l-iskola, proġett ieħor ta’ €5 miljuni, se jilqgħu l-istudenti ġo fihom biex ikattru l-edukazzjoni tant meħtieġa għalihom.

“Nawgura lill-edukaturi u lill-istudenti kollha għal din is-sena skolastika u nappellalhom mhux biss biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom u wkoll ta’ xulxin, imma jieħdu ħsieb l-ambjent skolastiku li jridu jgħixu fih f’dawn is-snin fl-età tenera tagħhom!” temm jgħidilna l-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonniċi.

Sport