Tuesday, May 14, 2024

NIBDEW ILLUM QABEL GĦADA …

Aqra wkoll

Wara l-każ xokkanti taż-żagħżugħ Justin Tabone li tilef ħajtu kawża ta’ attakk tal-qalb fl-età ta’ 22 sena waqt li kien qed jilgħab logħba futbol ma’ sħabu fil-grawnd tal-futbol fil-Kulleġġ San Alwiġi, il-Ministru għall-Edukazzjoni Clifton Grima saħaq li hemm bżonn li jibda jingħata first-aid training fl-iskejjel filwaqt li jkun hemm aċċess aħjar mill-pubbliku għad-defibril-lators. 

Hija ħasra tisma’ li dawk il-persuni preżenti li bdew jagħtuh l-ewwel għajnuna permezz tas-CPR għal 15-il minuta ma setgħux isibu d-defibrillaturi (AED) fl-iskola meta ngħad li fil-kulleġġ hemm żewġ defibrillators b’wieħed minnhom kien ftit ’il bogħod mill-bini tal-iskola. 

Tkun idea tajba wkoll li meta jintużaw grawnds u postijiet oħrajn għall-isports, il-persuna inkarigata tingħata gwida ta’ fejn jinsabu ċerti oġġetti ta’ użu importanti, bħal fil-każ tad-defibrillaturi.

Il-ħsibijiet tal-Ministru Grima għandhom jitwettqu mill-aktar fis possibbli u ma jibqgħux biss ħsibijiet, kemm fil-każ ta’ lezzjonijiet ta’ first-aid training fl-iskejjel, minn ta’ età żgħira, kif ukoll l-aċċess għal defibrillaturi f’diversi postijiet pubbliċi. Minbarra hekk il-Gvern għandu wkoll jikkunsidra li jżid dawn l-AED’s fil-postijiet pubbliċi f’pajjiżna.

Kif saħaq proprju l-Ministru Grima, “l-ewwel għajnuna u ħiliet bażiċi oħra bħal dawn għandhom b’xi mod jiġu inkorporati fis-sistema edukattiva tagħna.” Għalhekk ejjew nibdew u ma naħlux aktar ħin, għax f’dawn is-sitwazzjonijiet il-ħin huwa prezzjuż.

Il-Kunsill Malti għar-Rissuxxitazz-joni qal li l-apparat – li jagħti xokk elettriku ta’ enerġija għolja lill-qalb ta’ xi ħadd f’arrest kardijaku – jeħtieġ li jkun aċċessibbli għall-pubbliku u jinstab faċilment. 

“Għal kull minuta li tittardja milli tuża dan l-apparat fuq il-persuna b’arrest kardijaku, iċ-ċans ta’ sopravivenza jonqos b’sebgħa fil-mija,” qal il-Kunsill.

“Hu għalhekk li l-AED’s ġew żviluppati biex jiggwidaw lil min ma jkunx imħarreġ biex iħaddimhom b’mod effettiv bl-użu ta’ vuċi li tiggwidak.”

Huwa rrakkomandat li l-entitajiet kollha li qed jikkunsidraw li jinstallaw AED għandhom jagħmlu dan f’post li jkun faċilment aċċessibbli u li għandu sinjali xierqa sabiex ikun faċli biex jinstab. Filwaqt li dawk l-entitajiet kollha li diġà għandhom AEDs fil-bini tagħhom għandhom jikkunsidraw li jċaqalquhom fi spazju pubbliku b’sinjali simili.

Sport