Wednesday, July 24, 2024

“Nibdew ir-ritorn għan-normalità”; “Mil-lum nibdew nattakkaw il-mikrobu”; Tasal Malta l-ewwel konsenja tal-vaċċin kontra l-Covid-19

Aqra wkoll

“Bil-wasla tal-vaċċin f’pajjiżna se nkunu qed nibdew ir-ritorn għan-normalità.” Hekk qal il-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet dwar il-wasla tal-vaċċin kontra l-Covid-19 f’pajjiżna.

Huwa qal li l-poplu ilu jistenna dan il-jum, li jġib miegħu tama u kuraġġ. Tenna li tul il-pandemija spikkat l-għaqda fost il-poplu li ħadem flimkien għal għan wieħed.

“Użajna r-riżorsi kollha tal-pajjiż biex nipproteġu l-ħajjiet u l-mezzi tal-għajxien tagħna,” tenna Abela, filwaqt li saħaq li l-Gvern żgura li jkollu t-tagħmir mediku kollu meħtieġ “biex il-pandemija ma tegħlibniex”.

Huwa għamel referenza għall-għajnuna li nieda l-Gvern bil-għan li jgħin kemm jista’ lill-poplu anke mill-aspett ekonomiku, fosthom il-miżuri tal-wage supplements, moratorji fuq loans u fuq il-kontijiet tad-dawl u l-kera.

Tenna li l-Gvern anke għamel investiment addizzjonali ta’ €30 miljun biex l-iskejjel jiftħu u jibqgħu miftuħin u għaldaqstant ma jintilifx l-iżvilupp akkademiku ta’ ġenerazzjoni ta’ tfal.

Huwa għamel referenza għall-miżuri restrittivi li pajjiżi oħrajn kellu jdaħħal fis-seħħ, kuntrarju għal pajjiżna.

“Minn għada se nibdew il-programm ta’ tilqim, b’xejn għal kulħadd,” żied jgħid il-Prim Ministru, li qal li permezz tal-vaċċin se tkun qed tingħata tama lill-anzjani, lill-vulnerabbli u l-għeżież tagħhom.

Fl-istess waqt saħaq li l-wasla tal-vaċċin ifisser ukoll serħan il-moħħ għan-negożji u l-pajjiż kollu.

“Il-wasla tal-vaċċin tfisser irkupru ekonomiku. Żammejna attività ekonomika ogħla minn ta’ pajjiżi oħrajn u dan se jkun fundamentali biex Malta tirkupra aktar malajr minn pajjiżi oħrajn.”

Huwa temm billi appella biex kulħadd jieħu l-vaċċin, u jibqa’ kawt filwaqt li jibqgħu jiġu osservati d-direttivi mogħtijin mill-awtoritajiet tas-saħħa.

“Mil-lum nibdew nattakkaw il-mikrobu”

Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza tal-aħbarijiet, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Feanre qal li filwaqt li sal-lum konna qed niddefendu kontra l-mikrobu.” 

“mil-lum se nibdew nattakwh. mil-lum se nibdew ħajjitna lura,” tenna l-Ministru Fearne, li deher emozzjonat.

Huwa qal li madwar id-dinja b’mod uffiċjali l-Covid-19 infetta mat-80 miljun persuna, bil-pandemija tħalli kważi żewġ miljun vittma.

Filwaqt li qal li l-virus ħalla l-vittmi tiegħu anke f’pajjiżna, li jikkonslah huwa li medikament l-awtoritajiet għamlu dak kollu possibbli mal-pazjenti.

Huwa stieden lill-membri tal-midja biex josservaw mument ta’ silenzju biex jitfakkru dawk kollha li mietu kaġun tal-virus tal-Covid-19.

Żied jgħid li skont il-kwota ta’ vaċċini allokata għal Malta, pajjiżna kellu jieħu 260,000 vaċċin. Tenna li madankollu l-Gvern u l-awtoritajiet komplew bit-taħditiet ma’ Pfizer, b’din il-ħidma twassal biex il-kwota titla’ għal 600,000 doża tal-vaċċin.

B’referenza għall-programm ta’ vaċċinazzjoni, Fearne qal li fl-ewwel ġimgħa l-pjan huwa li jiġu mlaqqmin elfejn persuna. Dan jibqa’ tiela’ sakemm jilħaq l-20,000 persuna li jiġu mlaqqmin fil-ġimgħa.

Dan se jkun qed iwassal biex saas-sajf tintlaħaq il-herd immunity kontra l-virus.

Huwa għamel referenza wkoll għan-numru ta’ swab tests li saru s’issa f’pajjiżna, bit-total kumplessiv issa jilħaq in-nofs miljun swab test. Fearne tenna li Malta huwa l-uniku pajjiż fejn saru swab tests daqs il-popolazzjoni li għandu.

Min-naħa tagħha s-Supretendent tas-Saħħa, il-Professur Charmaine Gauci qalt li llum huwa jum speċjali. Hija għamlet referenza għar-restrizzjonijiet li l-awtoritajiet kellhom idaħħlu fis-seħħ mill-bidu tal-pandemija, liema restrizzjonijiet u miżuri ta’ mitigazzjoni kellhom jiġu imposti biex tkun protetta s-saħħa tal-poplu.

Tenniet li filwaqt li issa l-vaċċin wasal Malta, il-mezzi ta’ mitigazzjoni se jkollhom jibqgħu fis-seħħ b’mod parallel mal-programm ta’ tilqim sakemm tintlaħaq il-herd immunity.

Temmet tgħid li t-tilqima kontra l-Covid-19 “għandna neħduha għalina u wkoll għall-popolazzjoni kollha għax kull wieħed u waħda minna nistgħu nnaqqsu l-firxa tal-virus fil-komunità.”

“Qed isseħħ: Il-vaċċini kontra l-Covid qed jintbagħtu lill-pajjiżi tal-UE,” qal Isaac Valero, assistent għas-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni Ewropea f’kumment li ppubblika fuq Twitter.

L-istati membri se jkunu qed jirċievu mal-10,000 doża kull wieħed illum, b’atar vaċċini jitqassmu fil-jiem li ġejjin.

It-tqassim tal-vaċċini se jibqa’ għaddej matul ix-xahar ta’ Diċembru u matul ix-xhur ta’ wara fuq bażi ta’ kull ġimgħa. Brussell preċedentement kien qal li l-istati membri se jkunu qed jirċievu ammont ta’ dożi tal-vaċċin skont id-daqs tal-popolazzjoni tagħhom.

Brussell intant laħaq diversi ftehim ma’ kumpaniji tal-farmaċewtika għax-xiri ta’ vaċċini kontra l-Covid-19, u assigurat ix-xiri ta’ 300 miljun doża tal-vaċċin Pfizer/BioNTech, li huwa l-uniku vaċċin li s’issa ġie approvat mill-awtoritajiet Ewropej.

Dan ifisser li sa 150 miljun Ewropew jista’ jiġi mlaqqam kontra l-virus, hekk kif kull tilqima tirrikjedi żewġ dożi biex tkun effettiva aktar minn 90% kontra l-virus.

Il-Kummissjoni qed tistenna li d-distribuzzjoni tal-ewwel 200 miljun doża tal-vaċċin tkun lesta ta’ Settembru tas-sena li ġejja.

Ekonomija

Sport