Monday, May 6, 2024

NIBDLU L-ISFIDA TAL-KLIMA F’OPPORTUNITA

Dr. Marija Sara Vella Gafa – Sindku tal-Gudja u Kandidata tal-Partit Laburista għall-Parlament Ewropew

Aqra wkoll

Il-Parlament Malti beda jiddiskuti l-Abbozz ta’ Liġi dwar it-twaqqif tal-Awtorità l-ġdida li se jkollha r-responsabbiltà li tikkordina l-azzjonijiet kollha tal-pajjiż dwar it-tibdil fil-klima. Għandi sodisfazzjon li tajt kontribut qawwi fit-tfassil ta’ din il-liġi li tressqet fil-Parlament mill-Ministru Miriam Dalli. Fassalna din il-liġi fid-dawl tal-inizjattivi kollha li diġa qed jieħu l-pajjiż biex Malta tilħaq il-miri u l-obbligi tagħha lejn it-tnaqqis tal-emmissjonijiet bil-għan li sas-sena 2050, inkunu eliminajna l-emmissjonijiet kollha tal-karbonju.

Ħafna aktarx li jkunu xettiċi dwar għaliex aħna, pajjiż tant żgħir, għandna nieħdu miżuri li jikkumbattu t-tibdil fil-klima meta hemm tant pajjiżi ferm akbar minnha li t-tniġġiż tagħhom mill-emmissjonijiet huwa ferm akbar minn tagħna. Żgħar kemm aħna żgħar, xejn m’għandu jżommna milli nbiddlu l-ekonomija tagħna u li naġġornaw is-sistemi tagħna biex aħna wkoll innaqqsu l-emmissjonijiet. Wara kollox dan kollu jwassal biex inkunu nistgħu ngħixu f’ambjent aħjar u dan żgur ikun ta’ ġid għal kulħadd u jikkontribwixxi biex ikollna kwalita tal-ħajja aħjar. Bħala pajjiż għandu nkunu ta’ eżempju u nuru li lilna jinteressana mill-qrib li nikkumbattu t-tibdil fil-klima għaliex nafu li dan jista’ jġib miegħu danni kbar għal pajjiż żgħir bħal tagħna, imdawwar bil-baħar u miftuħ għall-elementi kollha.

Issa huwa ippruvat li t-tibdil fil-klima li għaddejja minnu d-dinja qed iwassal għal estremitajiet fit-temp. Jista’ jkun li se nesperjenzaw żminijiet li jkollna inqas xita imma fl-istess waqt jistgħu iseħħu maltempati kbar li anke joħolqu għargħar. Fenomeni oħra jinkludu temperaturi għolja ferm li jdumu ferm aktar mill-ftit ġranet ta’ heat waves li konna nesperjenzaw ftit taż-żmien ilu. It-tibdil fil-klima jista’ jġib miegħu ukoll żjieda fl-għoli tal-livell tal-baħar u dan jhedded postijiet baxxi u kostali li jistgħu jisfaw imgħarrqa.

Huwa għalhekk importanti ħafna il-ħolqien ta’ din l-Awtorita l-ġdida li se jkollha bħala wieħed mill-għanijiet tagħha li tidħol fi djalogu soċjali li jkun jinvolvi lil kulħadd biex flimkien naraw li l-pajjiż jagħmel il-bidliet li hemm bżonn biex nilqgħu għal din l-isfida. Bħalma sostna l-Prim Ministru Robert Abela din il-ġimgħa meta kien qed jitkellem fuq din il-liġi fil-Parlament, hemm bżonn li l-bidliet li għandna nagħmlu f’pajjiżna minħabba t-tibdil fil-klima, nagħmluhom fi spirtu ta’ għaqda mingħajr ma nkunu partiġġjani għaliex dawn il-bidliet huma għat-tul taż-żmien, lil hinn minn xi leġislatura waħda jew tnejn.

Issa sta għalina li nagħmlu minn kollox biex l-isfida tal-bidliet li għandna bżonn inwettqu indawruha f’opportunita. Din tista’ tkun opportunita ta’ aktar xogħol ġdid għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin. Il-pajjiż diġa qiegħed jagħmel, u se jkollu jkomplu jagħmel bidliet fil-mod kif niġġeneraw l-enerġija tagħna fejn huwa importanti ħafna li jkompli jiżdied l-ammont ta’ enerġija ġejja minn sorsi alternattivi. Għaldaqstant se jkollna proġetti ġodda bħall-pipeline ġdid tal-gass li jgħaqqadna mal-Ewropa, pipeline li se jkun kapaċi jgħaddi minnu wkoll l-idroġenu, gass li ma jniġġiżx u li mistenni jikber ħafna l-użu tiegħu fis-snin li ġejjin.

Għaddejjin ukoll l-aħħar tħejjijiet biex jitqiegħed bejn Malta u Sqallija it-tieni interconnector li se jkun jista’ jnaqqas id-dipendenza tagħna fuq il-power station ta’ Delimara li minkejja li taħdem bil-gass, xorta hija meqjusa li tagħmel emmissjonijiet.

Fl-istess waqt, il-Gvern qed ikompli jinċentiva lill-Maltin jkomplu jinvestu f’sistemi ta’ pannelli foto-voltaici biex jużaw inqas elettriku ġej mil-grid tal-gvern filwaqt li qed jingħataw ukoll bosta inċentivi oħra għax-xiri ta’ karozzi elettriċi, xiri ta’ bicycles, u sussidju fuq apparat bħal solar water heaters.

Barra dawn l-inizjattivi kollha rridu nsemmu wkoll li l-Gvern qed ifittex li jsir użu mill-baħar vast li jdawwar il-gżejjer tagħna biex ikunu nstallati sistemi ta’ enerġija alternattiva fuq il-baħar. Fl-istess ħin fix-xhur li ġejjin se nkunu qed nibdew niġġeneraw l-enerġija anke mir-riċiklaġġ ta’ ċertu tip ta’ skart.

Dawn kollha huma proġetti ta’ viżjoni, proġetti li anke bil-ħolqien tagħhom biss ukoll se jkunu qed jiftħu opportunijiet ta’ xogħol ġdid għaż-żgħażagħ tagħna. Huwa għalhekk importanti ħafna li nkomplu ninċentivaw liż-żgħażagħ biex ikomplu jistudjaw u jitħarrġu u ma jitilqux l-istudju għall-ewwel opportunita ta’ xogħol li tiġihom. Nafu li llum ix-xogħol jiġri wara l-ħaddiema u mhux bil-kontra għax il-qagħad f’pajjiżna huwa f’livelli baxxi li qatt ma rajna bħalhom. Imma xejn m’għandu jtellef liż-żgħażagħ milli jkomplu jistudjaw biex ikunu jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet li ġejjin.

Mingħajr dubju, jekk hawn xi ħadd li fit-tmexxija ta’ pajjiżna jista’ jibdel sfida f’opportunita, dan huwa biss Gvern Laburista. Il-mod kif il-Gvern Laburista mexxa waqt il-kriżi tal-pandemija dinjija huwa prova ta’ dan. Għax mexxejna bil-għaqal u ħadna ħsieb kulħadd mingħajr ma daħħalna lill-pajjiż f’sistemi ta’ awsterita, ippermettejna lill-ekonomija tagħna tkompli tikber biex illum għandna l-aqwa riżultati li qatt kellna. Gvern Laburista għandu l-kapaċitajiet kollha biex anke l-isfida tat-tibdil fil-klima jibdilha f’opportunita kbira ta’ aktar titjib fil-livell tal-għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Sport