Thursday, November 7, 2024

“IL-KWALITÀ TRID TKUN PREŻENTI F’DAK KOLLU LI NAGĦMLU”

- il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sena li għaddiet kienet waħda rekord għall-industrija tat-turiżmu f’Malta. Fil-fatt, fl-2023 kienu rreġistrati l-aqwa riżultati mhux biss f’termini ta’ wasliet tat-turisti imma wkoll fl-iljieli li dawn qattgħu f’pajjiżna u anke żdiedet b’mod konsiderevoli in-nefqa turistika fl-ekonomija Maltija. Notevoli kien ukoll il-fatt illi dawn ir-riżultati nkisbu sena qabel previst.

Quddiem dawn ir-riżultati mill-aktar pożittivi, li wkoll ġew rikonoxxuti mill-istakeholders ewlenin fi ħdan is-settur, l-enfasi issa ser tkun fuq il-kwalità fis-servizz offrut. Kif spjega tajjeb il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika Clayton Bartolo f’intervista ma’ IT-TORĊA, il-kwalità trid tkun preżenti f’dak kollu li nagħmlu.

Huwa għalhekk li f’Marzu li ġej, il-Gvern se jkun qiegħed jintroduċi l-iskill pass biex ikun żgurat li kull min jaħdem fis-settur turistiku, ikollu tal-inqas livell bażiku ta’ servizz. “Li jkun jaf jitkellem bl-Ingliż, ikun jaf dwar pajjiżna, ikollu element ta’ customer care u fuq kollox ikollu ċertu għarfien tal-ħidma li jkun qed jagħmel,” qal il-Ministru Bartolo.

Huwa semma kif dawk li ggradwaw mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS), awtomatikament se jkollhom din l-iskills pass, mentri dawk li ilhom għal ħafna snin jaħdmu f’din l-industrija iżda ma marrux l-ITS jew ma kinux studjaw is-suġġett, se jsirulhom “intervisti” sabiex jingħataw rikonoxximent għall-esperjenza tagħhom.

Il-Ministru Bartolo żied jispjega kif permezz tal-iskills pass, il-ħaddiema se jkollhom l-opportunità li jtejbu wkoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Kien hawn fejn ħabbar li se jkun hemm xi tibdiliet fl-iskills pass minn kif tħabbret oriġinarjament u dan anke wara konsultazzjoni wiesgħa li saret.

“Nemmen li din se tgħin biex numru akbar ta’ Maltin jibqgħu jaħdmu f’din il-industrija. Irridu naħdmu biex nagħmlu l-industrija tat-turiżmu waħda mill-karrieri attraenti għaż-żgħażagħ.

“Għalhekk qed nenfasizzaw fuq taħriġ kontinwu. Nemmen ħafna fl-edukazzjoni, li hija ċ-ċavetta tas-suċċess. Irridu naraw li b’dan it-taħriġ ikun hemm reskilling u upskilling tal-ħaddiema fit-turizmu sabiex b’hekk inkunu nistgħu naslu biex ikollna kwalità aħjar fis-servizz,” tenna l-Ministru Bartolo.

“Ħdimna bilgħaqal fejn jidħol il-marketing”

Mitlub jelabora aktar dwar il-ħidma li saret biex Malta rnexxielha tikseb dawn ir-riżultati fit-turiżmu, huwa beda biex qal li rkuprajna daqstant tajjeb billi ssaħħet il-konnettività u anke billi ttieħdu deċiżjonijiet li wasslu biex it-turiżmu jibqa’ jkun sostnut matul is-sena kollha.

“Ħdimna biex negħlbu l-istaġjonalità. Ħdimna mal-linji nazzjonali tal-ajru u dan wassal biex kellna seat load factor għoli matul is-sena kollha. Dan irnexxielna nagħmluh għaliex ħdimna bilgħaqal fejn jidħol il-marketing. Dan sar kemm fuq livell tradizzjonali (televiżjoni, radju, midja stampata) kif ukoll mill-aspett diġitali biex nattiraw aktar nies lejn pajjiżna,” tenna ll-Ministru Bartolo.

Huwa enfasizza kif il-kampanji ta’ marketing li qed isiru qegħdin lil hinn minn xtutna qed jgħinu wkoll sabiex ikollna prodott turistiku diversifikat. Għalhekk, hija importanti ferm il-ħidma li qed issir biex jittellgħu attivitajiet matul is-sena kollha, li jkunu ta’ kwalità għolja.

Irrefera fost l-oħrajn għall-kunċert tal-BBC Orchestra li se jsir f’Lulju u l-kunċert ta’ Ed Sheeran f’Ġunju li ġej. “Il-kunċert tal-BBC Orchestra jixxandar fuq BBC Radio fl-Ingilterra, u jisimgħuh mal-14-il miljun persuna meta jixxandar. Il-fatt li għandek dawk is-semmiegħa kollha, li qed jisimgħu l-Orchestra u fl-istess ħin fuq Malta, dak hu fattur ieħor ta’ marketing.”

Min-naħa l-oħra, huwa rrefera għall-investiment estensiv li qed isir fuq diversi promenades u anke bajjiet, li ma jsirux biss mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu imma b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali, Infrastructure Malta u entitajiet oħrajn.

“Irridu naraw li t-turiżmu jibqa’ jkun sostenibbli”

Il-Ministru Bartolo kompla jgħid li dawn ir-riżultati fit-turiżmu jpoġġu responsabbiltà akbar fuq kulħadd sabiex jibqgħu jkunu sostnuti. “Irridu nikkonsolidaw dak li għandna. Is-swieq primarji s-sena li għaddiet kienu s-suq Taljan, Ingliż, Franċiż, Ġermaniż, Pollakk u dak Spanjol. Irridu naraw kif nikkonsolidawhom.

“Konxji li dwar ir-Renju Unit, ma lħaqniex l-konnettività ta’ qabel il-pandemija. Kien għalhekk li tkellimna ma’ operaturi turistiċi u ma’ diversi linji tal-ajru sabiex għal din is-sena nżidu l-konnettività lejn ir-Renju Unit.

“Fil-fatt, din is-sena għandna operaturi turistiċi li se jtiru mill-bażijiet tagħhom kollha tal-Irlanda u tal-Ingilterra. Barra min hekk irridu nħarsu lejn swieq ġodda, il-long haul markets fosthom is-suq Amerikan, Ġappuniż, Awstraljan u l-pajjiżi tal-Golf li rridu naħdmu magħhom biex nattiraw aktar turisti minn dawk il-pajjiżi,” tenna l-Ministru Bartolo.

Insista li rridu nattiraw turisti minn dawn il-pajjiżi għax l-infiq tagħhom ikun akbar u b’dan il-mod jirnexxielna negħlbu ċertu sfidi ta’ sostenibbiltà – li trid tkun ibbażata fuq tliet pilastri – is-sostenibiltà ekonomika, ambjentali u soċjali.

“Għalhekk saħaq li rridu naraw li kull ajruplan li jiġi lejn Malta jkun mimli kemm jista’ jkun. Nemmen ukoll li t-turiżmu għandu element soċjo-ekonomiku, fejn naraw kif permezz tat-turiżmu l-ġid jinfirex ma’ kullimkien.”

Dwar in-nefqa mit-turisti f’pajjiżna huwa semma kif din żdiedet minn €2.2 biljun fl-2019 għal €2.7 biljun fl-2023. “Minkejja kollox, it-turist qed jonfoq iżjed flus mis-snin ta’ qabel. Irridu nassiguraw li t-turiżmu jibqa’ jkun sostetnibbli. Biex nagħmlu dan irridu nkomplu nimirħu lejn swieq ġodda, nibqgħu nkunu innovattivi u nħarsu ‘l quddiem biex nibżgħu għal pajjiżna.”

Għal din is-sena, il-mira hi li mhux biss jinżammu dawn ir-riżultati iżda wkoll li jinqabżu. Fil-fatt, l-indikazzjonijiet diġa’ jidhru li huma pożittivi tant li x-xahar li għadda kien l-aktar wieħed b’saħħtu f’termini ta’ passiġġieri li għaddew mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

“Qed naħdmu biex nibdlu l-liġi tat-turiżmu”

Huwa għamel aċċenn ukoll għal diversi niċeċ turistiċi li qegħdin iħallu impatt pożittiv fosthom it-turiżmu sportiv li rreġistra riżultati mill-aktar pożittivi s-sena li għaddiet kemm fl-għadd ta’ persuni li żaru Malta imma wkoll fl-iljeli li qattgħu f’pajjiżna. Qed tissokta wkoll il-ħidma fuq it-turiżmu reliġjuż, is-settur tal-għadis u anke fuq it-turiżmu militari.

“Dawn in-niċeċ partikolari se jgħinuna biex insostnu t-turiżmu. Niċċa oħra hi tad-destination weddings. Irridu naraw iżjed tiġijiet f’pajjiżna u okkażjonijiet speċjali. Is-suq Pollakk huwa miġbud ħafna f’dan ir-rigward. Togħġobhom ħafna Malta. Jiġu hawn biex jiżżewġu jew għal xi okkażjoni partikolari,” kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu u l-Indafa Pubblika.

Finalment, huwa sostna li l-Gvern qed jaħdem biex ibiddel il-liġi tat-turiżmu, sabiex din tkun kapaċi tilqa’ għall-isfidi tal-ġurnata tal-lum. “Irridu naraw li ċertu żviluppi ġodda li deħlin fit-turiżmu, il-liġi tkun kapaċi tħaddimhom fiha nfisha. Liġi li tgħinna sabiex nittrasformaw is-settur tat-turiżmu għaż-żminijiet tal-lum.”

Sport