“Matul dawn l-aħħar snin Gvern Laburista introduċa diversi miżuri li saħħew il-politika tal-familja f’Malta. Dawn il-miżuri, bħaċ-childcare b’xejn, l-In-Work Benefit u miżuri oħra li jiffaċilitaw il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-familja, kienu strumentali biex aktar ġenituri jkunu jistgħu jibqgħu jew jidħlu fis-suq tax-xogħol. Dan mhux biss saħħaħ l-istabbiltà ekonomika tal-familji, iżda ħoloq ukoll ambjent aktar sigur u stabbli għat-tfal biex jikbru fih.”
Qalet dan lil L-ORIZZONT il-membru Parlamentari Laburista Rosianne Cutajar b’reazzjoni għall-konsultazzjoni għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li jinkludu l-possibbiltà li jiżdiedu l-leave tal-maternità u l-paternità kif ukoll l-introduzzjoni ta’ leave ta’ sostenn għall-ġenituri. Cutajar ilha timbotta ‘l quddiem dan is-suġġett għal qalbha ħafna, suġġett li jagħti aktar drittijiet lill-ġenituri u jsarraf mhux biss bħala investiment fil-familji Maltin u Għawdxin imma anke fil-futur tas-soċjetà tagħna.
In-nisa fid-dinja tax-xogħol f’Malta:
Progress, suċċess soċjali u ekonomiku
“Fil-fatt,” speċifikat Cutajar, “il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-dinja tax-xogħol f’Malta fl-aħħar għaxar snin kienet fost l-aktar li kibret fl-Unjoni Ewropea, minn wieħed mill-inqas livelli fl-2012. Dan il-progress mhux biss huwa suċċess soċjali, iżda wkoll wieħed ekonomiku, għax aktar parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tfisser aktar talent, aktar produttività u ekonomija aktar b’saħħitha”.
Rigward il-leave hija qalet li bħalissa f’Malta l-maternity leave huwa ta’ 18-il ġimgħa filwaqt li jeżistu wkoll forom oħra ta’ leave relatati mal-ġenituri, bħall-parental leave u l-paternity leave. “Irridu niftakru li mill-1 ta’ Jannar 2026 Gvern Laburista introduċa żewġ miżuri ġodda: daħħalna l-miscarriage leave kif ukoll daħħalna special parental bereavement leave għal ġenituri li jitilfu tifel jew tifla”.
“Naqbel definittivament li jiżdiedu”
Min-naħa tagħha Cutajar “definittivament” taqbel li l-maternity leave, il-paternity leave u l-parental leave għandhom jissaħħu u l-perjodu tal-leave jiżdied. Qalet li d-diskussjoni dwar kif dawn għandhom jissaħħu u jiżdiedu hija waħda importanti “għax irridu niżguraw li l-ġenituri jkollhom aktar ħin ta’ kwalità mat-tfal tagħhom, speċjalment fl-ewwel snin tal-ħajja tagħhom li huma kruċjali għall-iżvilupp tagħhom. Fl-istess ħin, kull proposta trid tkun ibbilanċjata u sostenibbli kemm għall-ħaddiema kif ukoll għal min iħaddem”.
F’dan il-kuntest, hija semmiet li miżuri li jippromwovu arranġamenti ta’ xogħol aktar flessibbli, inkluż remote working fejn dan ikun possibbli, jistgħu jgħinu biex il-ġenituri jibbilanċjaw aħjar ir-responsabbiltajiet tax-xogħol u tal-familja.
“Possibbli li nsibu soluzzjoni”
Cutajar temmen li bi djalogu kostruttiv bejn il-Gvern, l-imsieħba soċjali u n-negozji, huwa possibbli li nsibu soluzzjonijiet li jkomplu jsaħħu l-politika tal-familja mingħajr ma joħolqu piż żejjed fuq l-ekonomija. Insitiet li fil-fatt, ħafna mill-miżuri li rajna f’dawn l-aħħar snin urew li meta noħolqu kundizzjonijiet li jiffaċilitaw il-ħajja tal-familja, dan iwassal ukoll għal aktar parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u għal tkabbir ekonomiku.
“Meta dawn il-proposti jiġu implimentati b’mod responsabbli u sostenibbli, tista’ tkompli tissaħħaħ il-politika soċjali u dan jgħinna nkomplu nallinjaw il-pajjiż mal-aħjar prattiċi Ewropej favur bilanċ aktar b’saħħtu bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. L-għan aħħari għandu dejjem jibqa’ wieħed: li nibnu soċjetà li tappoġġa lill-familji u li tagħti lit-tfal tagħna l-aqwa ġejjieni u l-aqwa opportunitajiet biex jikbru u jirnexxu,” temmet b’ton pożittiv il-Membru Parlamentari Laburista, Rosianne Cutajar.

