Tuesday, November 26, 2024

Nibqa’ nevalwa kull opportunitá li jkolli għall-istaġun li ġej – Vince Carbonaro

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Minn etá żgħira apparti l-iskola kont nattendi ċ-ċentru ta’ Santa Venera, li konna nsejħulha l-Lega, u wara bdejt nilgħab mat-tim tal-minors ta’ Sta Venera Lightnings.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ.

Bdejt il-korsijiet tal-kowċing fl-etá ta’ 33 sena mal-U14’s tan-nursery ta’ Sta Venera u għadni għaddej sal-lum aktar minn 30 sena wara, fejn kont fortunat li kkowċjajt f’kull livell tal-futbol Malti u anke kont kowċ nazzjonali tal-U17’s u assistant coach tan-nazzjonal tal-U 19’s.

Ovvjament, kull etá ta’ plejers li jkunu fit-tim tiegħek, l-interess tiegħi huwa dak li nara l-progress kemm mil-lat sportiv kif ukoll f’dak li hu karattru u tkun ta’ ispirazzjoni li jilħqu t-tragward li jixtiequ jaslu għalih.

X’tikkummenta fuq l-aħħar stagun ta’ Mqabba fl-Amateur League?

Għalkemm ma lħaqniex it-tragward tagħna għall-punt wieħed biss, u kellna żewġ deciders li sfortunatament tlifna, kelli coaching staff li dejjem sibtu ta’ spalla, speċjalment bil-ħafna injuries li sfortunatament tlifna plejers importanti, irnexxielna ngħaqdu waħda mill-aqwa dressing rooms u grupp li kelli l-fortuna immexxi.

Taqbel li hemm differenza ta’ livell bejn it-timijiet ta’ fuq u dawk ta’ taħt fl-Amateur League?

Apparti xi żewġ timijiet li sfortunatament sabuha diffiċli, kien hemm bilanċ kbir bejn it timijiet, peró, ovvjament fl-aħħar kien hemm iż-żewġ timijiet promossi li kellhom skwadri ikbar u bi plejers ta’ kwalitá li għamlu d-differenza kollha.

Taħseb li l-barranin li qed jiġu mhux dejjem qed ikunu ta’ livell ikkomparati mal-plejers Maltin?

Naħseb li mhux dejjem faċli li jirnexxielek iġġib il-barranin li tkun ippjanajt għax il- baġit finanzjarju li jkollok jagħmel differenza x’livell iġġib, peró kien hawn ħafna barranin li kont fortunat li kkowċjajt matul il-karriera twila tiegħi.

Kemm int kuntent bil-grawnds fejn tilagħbu l-logħob tal-Amateur League?

Dis-sena, il-grawnds tas-Sirens u l-Mosta sarilhom wiċċ ġdid u ovvjament is-Centenary Stadium huwa l-aħjar grawnd peró ma nafx għalfejn qabel kull logħba tal-Kampjonat Premier jiġi mxarrab imma meta jilagħbu timijiet ta’ diviżjoni inferjuri ma jixxarrabx, u żgur li hemm bżonn investiment fil-wiċċ tal-grawnd tal- Luxol.

X’taħseb dwar il-kontroll tar-referis fl-Amateur League?

Żgur li ma tistax titfa’ lil kull referi f’keffa waħda, għax hemm numru żgħir ta’ referis li huma ta’ livell u hemm ohrajn li ma jilħqux il-livell aċċettabli.

L-aktar ħaġa li ddejjaqni l-komunikazzjoni tagħhom kemm mal-plejers kif ukoll mad-diriġenti u aħna l-kowċis.

Żgur li hemm lok għal titjib … ma ninsewx li l-livell qed jogħla għax ħafna plejers Maltin qed ikunu kostretti li jinżlu jilagħbu f’diviżjonijiet inferjuri minħabba ż-żieda tan-numru ta’ barranin fil-Kampjonat Premier u l-istess irid isir fuq ir-referis.

Kif jirnexxielek tlaħħaq max-xoghol tieghek u mal-futbol?

Ix-xogħol tiegħi huwa ta’ sales fuq barra, allura nista’ nkun flessibli fil-ħinijiet u dejjem sibt appoġġ massimu mill-kumpanija li naħdem magħha.

Kif qed thares lejn il-futur tieghek fil-futbol?

Sakemm il-Bambin jibqa’ jislifni s-saħħa, nibqa’ nevalwa kull opportunitá li jkolli għall-istaġun li ġej bl-istess entużjażmu li dejjem kelli ma’ kull tim li kont fortunat li mexxejt.

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jagħmlu karriera fil-futbol.

Bla dubju, matul il-karriera twila tiegħi, kelli diversi żgħażagħ li ddebuttaw f’kull diviżjoni u li minn hawn ngħidilhom biex joħolmu u jaħdmu biex jilħqu t-tragward tagħhom billi jkunu dejjem lesti biex jagħmlu s-sagrifiċċji u jħarsu lejn dawk il- plejers li jkunu diġá għandhom esperjenza biex jitgħallmu mingħandhom iżommu saqajhom mal-art u li l-futbol ma jarawhx ta’ ostaklu għal mal-istudju tagħhom, imma biex jistimulahom biex waqt il-ħin tat-taħriġ jikkonċentraw fuq dak li jkun irid il-kowċ tagħhom biex dejjem itejbu l-abbilitajiet kalċistiċi tagħhom!

Sport