Friday, June 14, 2024

Dan is-suċċess ifisser parti importanti mill-futur tiegħi fil-billiard – Johan Attard

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Johan Attard kiteb paġna ġdida fl-istorja tal-blackball Malti meta sar l-ewwel plejer li rebaħ tournament internazzjonali tal-IPA wara li fil-finali hu għeleb lill-plejer minn Isle of Man David Addinall 7-2.

Kienet wirja impekkabbli tal-plejer ta’ Cospicua Rangers li ftit ta ċans lill-avversarju tiegħu jieħu l-kontroll tal-logħba u għalkemm ċeda żewġ frames, hu baqa’ konsistenti sat-tmiem.

Aktar kmieni Attard kien elimina lil Chris Bowron 7-1 sabiex għadda għall-kwarti tal-finali fejn hemmhekk reġa’ rrepeta l-istess skor din id-darba kontra l-Iskoċċiż Robert Stephen.

Fis-semifinali hu kellu taqtiegħa ħarxa kontra Greg Davis li rebaħlu 7-5.

Attard kien ukoll ferm konsistenti tul dan il-logħob ta’ tmiem il-ġimgħa li sar f’Coventry meta rebaħ 13 mill-14-il logħba li lagħab.

Dan is-sit tkellem ma’ Attard li kien ferm kburi b’dak li għamel għalih innifsu u għal Malta.

“Dan is-suċċess ifisser parti importanti mill-futur tiegħi fil-billiard. Ovvjament mhux faċli li tirbaħ l-Open tar-Renju Unit minħabba l-kwalita’ ta’ plejers li jieħdu sehem fih. Biex inkun għedtlek kollox, kont għadni kemm tlift l-ewwel kompetizzjoni tiegħi fil-finali kontra Clint I’Anson. Kont qed nirbaħ 9-7 iżda hu żamm il-konsistenza, baqa’ jdaħħal il-boċċi u spiċċa rebaħli 10-9.”

“Ridt li t-turnament li kien imiss ġurnata wara nkun aħjar u ffukat ħafna sabiex nasal għal xi tip ta’ suċċess. Hekk għamilt u fil-fatt rbaħt anke xi plejers stabbiliti u rġajt sibt ruħi fil-finali kontra David Addinall u din id-darba kont jien li rbaħt.”

Attard semma’ l-għajnuna kbira li sab mill-familjari tiegħu u anke sħabu li tawh il-kuraġġ kollu meħtieġ. Dan ġiegħlu jkun iffukat il-ħin kollu għax ried li huma stess ikunu kburin bih u b’xi mod jirringrazzjahom tal-paċenzja li jieħdu bih.

Attard semma’ wkoll il-mixja tiegħu qabel ma daħal f’turnament tal-IPA.

“Għall-bidu kont nieħu sehem f’turnaments tal-Ultimate Pool fejn kien ikun hemm diversi plejers bi status ta’ amateurs. Ma kinitx xi ħaġa faċli li titla’ professjonali għax dawn ikollhom ħafna kompetizzjonijiet fuq xulxin. Peress li jien naħdem u għandi l-familja ridt nillimita ruħi biex nitla’ f’xi mumenti. Minkejja kollox xorta rnexxieli nagħmilha fejn telgħu 16-il plejer professjonali minn 300 u jien kont in-numru tlieta. Kont ferħan se ntir b’dak li rnexxieli nagħmel.”

Johan Attard rebaħ 13 mill-14-il logħba li lagħab, xi ħaġa li kienet ilha ma ssir għal ħafna żmien. Hu jgħid li l-fatt li qed jilgħab ta’ spiss fil-kompetizzjonijiet lokali qed jgħinu sabiex iżomm ruħu konsistenti.

Finalment Attard qal li l-billiard hu parti minn ħajtu u qed jara l-futur tiegħu jkompli jilgħab dan l-isport tant sabiħ. Hu għandu x-xewqa li bħala plejers Maltin ikomplu jnaqqsu d-distakk minn ma’ xi plejers Ingliżi. Dan kollu jista’ jsir realta’ jekk il-plejers partikolari jibqgħu jemmnu fihom infushom bħalma għamel hu.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport