Sunday, December 22, 2024

Nicky Gauci fil-Finali Rotax Max Challenge Italy f’Jesolo l-Italja, u fir-ROK SUPER FINAL 2023 f’Lonato l-Italja

Oliver Attard
Oliver Attard
Ġurnalist Sportiv / Motorsports

Aqra wkoll

Bejn is-7 u l-14 ta’ Ottubru, is-sewwieq tal-karting Nicky Gauci kien impenjat f’2 avvenimenti differenti ta’ Karting fl-Italja. Fis-7 u t-8 ta’ Ottubru, Gauci pparteċipa fir-Rotax Max Challenge Italy Final (RMCI) li saret fil-Pista Azzura f’Jesolo, l-Italja, wara l-avveniment, Gauci vvjaġġa lejn Lonato, biex jikkompeti fis-Superfinal tar-ROK fis-South Garda Karting Circuit.

F’Jesolo kellu ritmu tajjeb, anke peress li kien diġà familjari mat-trakka, wara li pparteċipa f’finali simili f’Ottubru 2021. Wara li kkwalifika fil-5 post fil-grupp tiegħu, spiċċa l-ewwel tiġrija fil-ħmistax il-post, it-tieni tiġrija fid-dsatax u t-tielet fl-erbgħa u għoxrin.

Għal-Gauci, dan kien l-aħħar avveniment ma’ MKC Motorsport, wara li saq magħhom f’4 avvenimenti oħra, Spanja, il-Belġju u Franza matul din is-sena.

Immedjatament wara Gauci vvjaġġa lejn Lonato biex jipparteċipa fir-ROK SUPER FINAL 2023, li beda fl-10 ta’ Ottubru fit-trakka South Garda. F’dan l-avveniment, Gauci kien parti mit-tim tal-GP Karts Malta, assistit minn DPR -Di Piero Racing tal-Isvizzera. It-tiġrija f’South Garda kienet l-ewwel darba li Gauci saq kart b’magna ROK, b’Levanto Tires u l-ewwel darba fit-trakka tal-karting ta’ South Garda. Gauci laqgħa l-isfida, u mill-bidu tat-tieni sessjoni ta’ taħriġ, wera konsistenza kbira, li ssorprenda lit-tim tad-DPR Racing bl-adattament bikri tiegħu.

Il-kategorija Senior ROK ospitat 104 sewwieq minn madwar id-dinja. Waqt il-kwalifikazzjoni, Gauci spiċċa fil-ħmistax il-post u b’hekk tela fit-43 post tal-kwalifikazzjoni. Wara dan, kien hemm ħames heats, li Nicky spiċċa fit-tmintax, il-ħamsa u għoxrin, it-tlettax, il-ħdax u it-tlettax il-post. Bil-punti akkumulati f’dawn il-heats, Nicky kklassifika fit-tnejn u għerbgħin post mis-sewwieqa kollha. Dan wassal biex Gauci kkwalifika għas-Senior ROK OMP Trophy. Waqt din it-tiġrija finali tat-trofew, huwa Gauci spiċċa fit-8 pożizzjoni.

Fi tmiem il-ġimgħa ta’ sfidi kbar, Nicky kien ferħan bir-riżultat tiegħu. Gauci rringrazzja lill-isponsors tiegħu, Mediterranean Building Finishes, GP Karts Malta u l-missieru, Patrick Gauci, għall-appoġġ kontinwu tagħhom li jagħmel din il-karriera sportiva possibbli.

Ekonomija

Sport