Friday, November 15, 2024

“Nieħu pjaċir ngħin lil ħaddieħor u fl-istess ħin nitgħallem”

Beltija li tattendi fir-residenza fejn jitħaddem il-proġett Ħiliet il-Komunità

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’residenza fil-Belt Valletta, qed jitħaddem il-proġett Ħiliet il-Komunità, li huwa parzjalment iffinanzjat minn Fondi Strutturali Ewropej u li qed jitmexxa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS). Din id-dar tiftaħ kuljum mit-Tnejn sas-Sibt u tilqa’ residenti ta’ kull età; tfal, adulti u anzjani, fejn jissoċjalizzaw, jintegraw, jaqsmu l-ħiliet u jitgħallmu minn xulxin.

Ir-residenza tbierket ilbieraħ filgħodu waqt żjara mill-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-FSWS Alfred Grixti.

Talk.mt kien ukoll preżenti fejn hemm tkellimna ma’ Doris Montfort mill-Belt Valletta, li kienet minn tal-ewwel li bdiet tattendi f’din id-dar wara li kienet avviċinatha minn ħabiba tagħha. Hija qaltilna li tħobb tagħti sehemha fil-komunità filwaqt li tieħu pjaċir tgħin lil ħaddieħor u fl-istess ħin titgħallem: “Minn hawn nitgħallmu ħafna u nsiru nafu iżjed lil xulxin. Qegħdin grupp sabiħ u ħamsa minna jattendu b’mod regolari,” qalet Montfort.

Il-proġett Ħiliet il-Komunità ġie inawgurat fl-Lulju 2021 bħala parti mid-dimensjoni soċjali ta’ riġenerazzjoni tal-Belt Valletta. Ħiliet il-Komunità jiffoka fuq dak kollu li jsawwar il-komunità Beltija u fl-istess waqt jindirizza sfidi li għandhom x’jaqsmu ma’ xogħol u edukazzjoni, stabbiltà finanzjarja, stabbiltà fid-dar u trobbija. Dan il-proġett issa qed jitħaddem fil-potenzjal kollu tiegħu f’din ir-residenza fil-Belt li qed titmexxa mill-professjonisti tal-FSWS.

Fil-kummenti tiegħu, il-Ministru Michael Falzon qal li dan il-gvern jemmen fil-parteċipazzjoni u fl-inklużjoni ta’ kulħadd, minn tfal sa kbar. “It-tagħlim huwa wieħed mill-ftit affarijiet tal-ħajja li ma jista’ jiħodulek ħadd u għaldaqstant irridu nkomplu nagħtu l-almu tagħna sabiex nippromwovu kultura ta’ tagħlim u ta’ edukazzjoni mhux biss akkademika iżda anke li tinvolvi ħiliet bħall-arti u bħall-ħjata. Aktar minn hekk, proġetti bħal dawn jgħinu sabiex nevitaw problemi marbuta mas-solitudni u mas-saħħa mentali’’, temm jgħid il-Ministru Michael Falzon.

Ekonomija

Sport