Jgħid dan iż-żagħżugħ Malti li mar minn jeddu l-Polonja biex jgħin lir-refuġjati Ukreni
Għaddiet kważi ġimgħa mindu żagħżugħ Malti, mar minn jeddu fi Krakow, il-Polonja biex jgħin lir-refuġjati Ukreni li qed jaħarbu mill-Ukrajna lejn il-Polonja. Iż-żagħżugħ Malti, qed iħabbat wiċċu ma’ xeni ta’ qsim il-qalb u xi drabi anke problemi ta’ komunikazzjoni. Beda l-ħidma tiegħu, fejn qed jassisti u jgħin, fejn fi kliemu stess, jispikkaw nies mexjin jibku, ommijiet jgħannqu lil uliedhom magħhom u nanniet jistrieħu.
Dan is-sit tkellem maż-żagħżugħ ftit jiem ilu proprju qabel telaq minn Malta u tkellem miegħu ukoll fl-aħħar sigħat hekk kif beda l-ħidma tiegħu f’dan il-pajjiż.
Fi kliem iż-żagħżugħ, “fl-ewwel ħidma tiegħi għamilt madwar seba’ sigħat ta’ xogħol volontarja fl-istazzjon tal-ferrovija. Ix-xogħol tiegħi hawn qed ikun jikkonsisti billi nagħmlihom it-te jew kafe. Nagħmel ukoll xi ‘sandwiches’. Nippreparalhom gallettini u anke xi ċikkuata f’basktijiet li imbagħad jitqassmu lir-refuġjati li jkunu għaddejjin minn hemm. F’dawn is-sigħat qassamna ħafna ikel lill dawn ir-refuġjati Ukreni. Ġiet mara fuqna u kellha tarbija fi-pram u talbitna xi affarijiet għat-tarbija. Tajniha li kellha bżonn u anke tajtha xi gallettini tal-plasmon”.
Iż-żagħżugħ Malti jgħid li “ma stajniex nikkommunikaw u ma bdejt nifhimha. Qisu fhimt li f’ħin minnhom irringazzjatni. Jien poġġejt idejha fuq qalbi, biex nuriha li dak li għamilt kien minn qalbi.
Jispjega li “ħdimt ukoll billi inġorr il-provvisti. Minn fejn jitqassam l-ikel minħabba l-ammont ta’ Ukreni li kienu qed jaslu, malajr kienu jitbattlu l-imwejjed u għalhekk kull darba nerġgħu nimewhom bi provvisti ġodda. Il-bżonnijiet huma kbar. Iltqajt ma’ diversi voluntieri fosthom dawk ġejjin mill-Iskożja, l-Afrika ta’ Isfel, il-Ġermanja u anke mill-Istati Uniti.
Hemm nuqqas kbir ta’ ċertu provvisti
Iż-żagħżugħ jgħidilna li “kemm ilni hawn innutajt li hemm nuqqas kbir ta’ ċertu provvisti. Dan minħabba li hemm domanda kbira għalihom. Ir-refuġjati Ukreni qed ikollhom bżonn shampoo u sapun. Hemm domanda kbira għalihom. Il-kjuwijiet ta’ refuġjati huma twal u bħala voluntieri nippruvaw b’kull mezz li naraw li jkollhom ċertu bżonnijiet bażiċi. Hemm bżonn ħafna ta’ ħrieqi, gallettini u anke sapun. Regolarment intuhom ukoll ikel ippriservat biex jeħduh magħhom waqt li jkomplu bi triqithom.”
Rajt nies jibku huma u mexjin
Iż-żagħżugħ jitkellem b’mod ċar ħafna dwar ir-realtajiet li ra b’għajnejh. “Tara nies mexjin bid-dmugħ f’għajnejhom. Tara oħra jitkellmu fuq il-mowbajls tagħhom. Ommijiet. jgħannu lit-tfal tagħhom. Nanniet tarahom jistrieħu meta ma jkunux qed jieħdu ħsieb lin-neputijiet. Tara tfal ukoll jilgħabu fl-istazzjon tal-ferrovija. Rajt suldati li ġejjin mill-Istati Uniti, l-Polonja, Spanja u l-Irlanda fost oħrajn. Għadha kif twaqqfet ukoll kċina tas-soppa minn xi voluntieri Pollakki. Quddiem din is-sitwazzjoni, rajt kemm hi sitwazzjoni simili għal dik li għexu f’Malta missirijietna matul it-Tieni Gwerra Dinjija.”