Thursday, May 16, 2024

Tasmania: Tinstab qawwija u sħiħa wara aktar minn jumejn nieqsa

Aqra wkoll

Shayla Phillips, li għandha erba’ snin, instabet qawwija u sħiħa fin-Nofsinhar ta’ Tasmania wara aktar minn jumejn minn meta kienet irrappurtata nieqsa.

Shayla ntilfet l-Erbgħa wara nofsinhar wara li ftit qabel hija kienet tinsab fil-bitħa tad-dar tal-familja tagħha fi Stormlea Road, Stormlea, komunità rurali fit-Tasmania.

Hija kienet qed tilgħab ma xi klieb, iżda madwar nofs siegħa wara, meta ommha marret tiċċekja lil bintha, kemm iċ-ċkejkna kif ukoll il-klieb ma kinux hemm.

Iċ-ċkejkna spiċċat qatgħet żewġ iljieli fil-miftuħ u nstabet fl-aħħar sigħat.

Fit-tfittxija intensiva kienu involuti aktar minn 100 persuna, klieb mgħallma apposta, żwiemel, ħelikopters u drones.

Ftit wara li bdiet tiġri l-kelma li kienet instabet, il-pulizija tal-lokal kkonfermat li kienet instabet ħajja. Qalu li nstabet qrib Halls Road, madwar kilometru mid-dar tagħha.

Hekk kif irritornat mal-familja tagħha, l-Ispettur Gavin Hallett qal li dan kien mument emozzjonanti ħafna.

Sport