Saturday, May 4, 2024

X’Qalet id-dinja tat-tennis wara li Asleigh Barty ħabbret l-irtirar

Aqra wkoll

Iċ-champion ta’ tliet titli tal-Grand Slam u n-numru wieħed kurrenti tar-rankings tad-dinja, Ashley Barty, nhar it-Tlieta ħabbret li rtirat mit-tennis professjonali wara kar­riera ta’ kważi 12-il sena.

L-Awstraljana ta’ 25 sena – hija tagħlaq 26, fl-24 ta’ April – qasmet li hija kienet taf li ż-żmien kien tajjeb li tirtira u ssegwi ħolm ieħor tagħha wara li f’Jannar li għadda rebħet l-Australian Open.

Id-dinja tat-tennis irreaġix­xiet għat-tħabbira li kienet se terfa’ “ir-rakketta” għal kollox.

Players varji tat-tennis faħħru lil Barty għall-karriera inkredibbli tagħha li fiha rebħet 15-il titlu tas-singles, flimkien mad-dwejjaq li jaqsmu ma’ player żagħżugħa li se tħalli l-isport daqshekk kmieni.

L-eks player numru wieħed tad-dinja, ir-Rumena Simona Halep, iċċajtat li l-pass li jmiss għal Barty huwa li ssir “champion tal-Grand Slam tal-golf.”

“X’nista’ ngħid Ash. Inti taf li bħalissa għandi d-dmugħ f’għaj­nejja. Ħabiba tiegħi, se nimmis­sjak fuq it-tour. Inti kont differenti u speċjali, u aħna qsamna xi mumenti meraviljużi. X’hemm għalik issa? Champion tal-Grand Slam tal-golf?! Kun kuntenta u gawdi l-ħajja għall-massimu, xo Simo.”

Eks player numru wieħed oħra, Karolina Pliskova, qasmet immaġini tagħhom jitgħannqu wara l-finali ta’ Wimbledon tas-sena l-oħra. Barty għelbet lil Pliskova biex irrealizzat il-“ħolma” tagħha li tirbaħ titlu tal-Grand Slam fuq wiċċ tal-ħaxix, hija ammettiet fit-tħabbira tagħha tal-irtiraw.

Ir-rebbieħa darbtejn f’Wimbledon, Petra Kvitova, qalet lil Barty: “Ash, m’għandhix kliem… attwalment int qed turi l-vera klassi tiegħek li tħalli t-tennis b’dan il-mod sabiħ. Jiena kuntenta ħafna li stajt naqsam il-court miegħek … it-tennis mhux se jibqa’ l-istess mingħajrek! Nammirak bħala player u bħala persuna … nixtieqlek biss it-tajjeb!

L-Amerikana Madison Keys aċ­ċennat is-sentimenti l-oħra billi xtaqet il-fortuna t-tajba lil Barty tagħ­mel x’tagħmel issa f’ħajjitha.

“Player tat-tennis inkredibbli iżda iktar importanti waħda mill-aħjar persuna fit-tour. Nifraħ­lek fuq karriera tal-għaġeb u l-fortuna t-tajba f’dak li se tagħmel!”

Iċ-Ċeka Karolina Pliskova bagħtitilha dan il-messaġġ: “Kon­gratulazzjoni għall-karreira mill- aqwa li kellek Ash. Kien privileġġ li naqsam il-court miegħek. Nixtieqlek l-aqwa fil-kapitlu tiegħek li jmiss.”

L-ex numru wieħed tad-dinja, il-Britanniku Andy Murray qasam messaġġ qasir iżda sensibbli fuq Barty meta kiteb: “@andymurray kuntent għalih Ash iżda diżappuntat għat-tennis, xi player int.”

L-Australian Open kellu dan il-messaġġ: “Int għamiltha kif xtaqt, Ash. Kburin b’dak li akkwistajt u kif irrappreżentajt lill-Awstralja fuq il-palk dinji. Karriera li ispirat id-dinja. Grazzi għal kollox. Nixtiequlek l-aħjar fl-irtirar tiegħek, u dejjem se ssibna ninkoraġġuk fil-kapitlu tiegħek li jmiss. Champion għal dejjem!”

L-Ukrena Elina Monfils @elinasvitolina, mart il-player Franċiż, Gael, qaltilha: “Xejn ħlief Rispett għalik!!! Nixtieqlek l-aħjar fl-irtirar tiegħek u nifraħlek fuq il-karriera distinta tiegħek!”

Messaġġ minn Wimbledon qal: “Iċ-champion tagħna ħabbret l-irtirar tagħha mit-tennis. Kien ta’ pjaċir, @ashbarty.”

Tennis Australia bagħtula dan il-messaġġ: “Grazzi, @ashbarty. In-numru wieħed tad-dinja, champion multipla tal-Grand Slam u waħda mill-ikbar rwol models tal-logħba. X’wirt se tħalli  warajk fit-tennis.”

It-tennista Ġermaniża, Angelique Kerber, qaltilha li se nimmissjawk @ashbarty! Inti tajt qalbek lill-isport tagħna u ispirajt lil ħafna matul il-vjaġġ tiegħek. Int se  titlaq mit-tennis bħala champion ta’ veru u fuq it-termini tiegħek, sempliċiment imxi fit-triq tiegħek kif dejjem għamilt. Kompli iġri wara l-ħolm tiegħek, naf li se tagħmel dan.”

L-Amerikana, Shelby Rogers, qaltilha: “X’leġġenda. Ispirazzjoni inkredibbli fil-court u barra. Waħda mill-ikbar bnedmin umani li qatt iltqajt magħha. In-numru wieħed tagħna! L-aqwa fortuna.”

It-tennista Tuneżina, Ons Jabeur, kitbitilha: “Inti tassew ispirazzjoni. Se nimmissjawk fit-tour. Leġġenda ta’ vera u nixtieqlek l-aħjar għal dak li ġej għalik. Qed ninkludi ritratt tal-ewwel titlu tad-doubles tagħna tal-juniors.”

Messaġġ minn @rolandgarros kien jgħid: “Kongratulazzjoni għall- karriera inkredibbli, Ash! Nixtiequlek l-aħjar għall-futur @ashbarty.” 

It-tennista Sania Mirza, qaltilha: “X’leġġenda @ashbarty.. it-tennis se jimmissjak… rwol model ma titwemminx fil-court u barra.. il-fortuna t-tajba għall-fażi li jmiss #ispi­razzjoni!” 

Sport