Thursday, December 26, 2024

“Nifhem li tkun Laburist, li ma jkollox partit, u din id-darba tagħżel lill-PN jista’ jkun diffiċli għalik”

Aqra wkoll

Waqt li ltaqa’ man-nies ġewwa Ħal Luqa, il-Kap tal-Oppożizzjoni u Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li bla dubju l-PN fil-passat kull meta kellhom l-opportunità jmexxu dan il-pajjiż, mhux biss ħolqu l-ġid imma raw li dak il-ġid jasal għand in-nies.

“Nistgħu nagħmlu iżjed, u bla dubju se nkunu qed nagħmlu iżjed. Żgur li l-ewwel li rridu nagħmlu huwa li noħolqu aktar ġid. F’dawn l-aħħar 10 snin Gvern Laburista ma ħoloqx settur ekonomiku wieħed. Aħna se nkunu qed noħolqu 10 setturi ekonomiċi,” qal Grech.

Qal li l-isbaħ ħaġa minn dawn l-għaxar setturi ekonomiċi huwa li fi kliemu mhux se jkunu qed jagħmlu qirda ambjentali kif għamel dan il-Gvern f’dawn l-aħħar 10 snin jew jaqtgħu s-siġar bl-addoċċ.

“Dan il-Gvern, minkejja l-wegħdiet, minkejja li jgħidlek li jrid jagħmel spazji ħodor… issa nafu li se jkun hemm proġett ieħor massiv ġewwa Għawdex li se jkompli mhux biss jagħmel ħsara ambjentali imma se jkompli jnaqqar mill-kwalità tal-ħajja tiegħek.”

“Aħna rridu li inti jkollok kwalità tal-ħajja aħjar. Li jkollok  flus fil-but. Aħna se nkunu qed naħdmu għal dik ukoll. Imma mhux biżżejjed. Irriduh li tgawdi lill-għeżież tiegħek u nnaqsulek mill-ansjetà u għalhekk ikollok ambjent li jtik iċ-ċans biex tgħix  ħajja b’saħħitha.”

“Nifhem li tkun Laburist, li ma jkollox partit, u din id-darba tagħżel lill-PN jista’ jkun diffiċli għalik, imma issa taf li l-PL mhux qiegħed joffrilek futur aħjar. Għadu lanqas ħareġ il-programm elettorali tiegħu, għadu biss jikkopja dak li ilna ngħidu f’dawn l-aħħar xhur.”

Ekonomija

Sport