Friday, November 29, 2024

Niġerjan jinqabad b’CCTV camera jniżżel il-qalziet wara debba

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Spettur irrakkonta fil-Qorti kif Niġerjan kien daħal ġo stalla fejn kien hemm debba, niżżel il-qalziet u deher jimxi għal diversi drabi warajha wara li din bdiet iddur fl-istess stalla. Ir-raġel deher ukoll jipprova jtiha xi daqqiet b’armi li kien hemm fejn id-debba u saħansitra tefgħalha rim ta’ karozza.

Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Bernard Charles Spiteri fil-kawża kontra Robert Omo ta’ 22 sena li jinsab akkużat b’moħqrija tal-annimali, vjolazzjoni ta’ proprjetà u li offenda l-morali f’post pubbliku.

Il-każ seħħ nhar it-30 ta’ Settembru li għadda, fi Triq l-Imġarr, ix-Xewkija, Għawdex, bir-raġel ta’ karnaġġjon skur jinqabad fuq filmati tas-sigurtà jidħol fl-istalla u jdur mad-debba. Malli ħareġ mill-istalla, ir-raġel deher li kien qed izappap, bl-Ispettur Spiteri jgħid li jissoponi li d-debba x’aktarx weġġgħetu. 

Fil-filmat ġie jidher ukoll li r-raġel kien daħal fi stalla fejn kien hemm żiemel ieħor, bl-Ispettur jgħid li ma jafux x’ġara hemm ġew. L-għada li seħħ dal-każ, il-Pulizija kienu infurmati minn ċertu John Xuereb, li jrabbi ż-żwiemel f’dawn l-istalel, li l-istess persuna li deher fil-filmat, kien reġa’ mar ir-razzett fejn kien hemm dawn iż-żwiemel.

Hemmhekk huwa ltaqa’ ma’ missieru u xħin rah kien għarfu li kien l-istess persuna li kien mar il-ġurnata ta’ qabel, meta kien talbu xi xogħol maż-żwiemel. Dan ipprova jżommu bid-diskors filwaqt li ta struzzjonijiet biex jiġu l-pulizija iżda laħaq telaq. Huwa kien arrestat fejn il-Lidl tar-Rabat Għawdex.

Meta kien qed jiġi interrogat mill-Pulizija, l-imputat ammetta li kien daħal fejn iż-żwiemel “għax tilef il-mobile phone u daħal ifittxu fejn id-debba.” Mistoqsi għalfejn neża l-qalziet huwa għażel li ma jweġibx u lanqas li kien tefa’ xi tyre jew rim.

Intant, fl-istess seduta xehed ukoll l-imputat, li qal li dakinhar li seħħ il-każ jiftakar li kien xorob u li kien neħħa l-qalziet għax ried jagħmel il-bżonnijiet tiegħu. Qal ukoll li kien tilef kemm il-mobile tiegħu kif ukoll ċ-charger u li kien reġa’ mar fil-post biex isibu.

Wara li sema’ x-xhieda kollha, il-Maġistrat Dr Joseph Mifsud iddifferixxa l-kawża għas-sentenza li se tingħata fid-29 ta’ Ottubru.

L-Avukat Mario Scerri qed jidher għal Omo. 

Sport