Sunday, May 5, 2024

“Niggarantilek li l-kokaina anke f’funeral issibha”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Theddida lokali u internazzjonali ta’ droga li ssostni suq aktar vjolenti u kompetittiv

Il-kokaina hija t-tieni l-aktar droga llegali ttraffikata fid-dinja. Is-suq tagħha, ikkonsidrat bħala theddida globali, kiber ħafna u dan qiegħed imiss direttament lill-kontinent Ewropew. F’rapport maħruġ mill-Europol, din l-attività llegali fl-Ewropa saret aktar diversifikata, kompetittiva u vjolenti mentri statistiċi juru li l-abbuż mill-kokaina żdied b’mod allarmanti. 

F’Ġunju li għadda fil-Port Ħieles, id-Dwana qabdet konsenja rekord ta’ 740 kilogramma kokaina. Dan juri li lokalment it-theddida mill-kokaina u d-domanda għaliha huma realtà. Talk.mt tkellem ma’ persuna midħla tal-qasam tar-rijabilitazzjoni ta’ persuni mifnija bil-vizzju tad-droga fejn ikkonfermat li l-kokaina f’Malta hija mifruxa ħafna, tittieħed mill-kbir saż-żgħir, issibha f’kull kantuniera u ambjent, kif ukoll saħansitra daħlet f’postijiet li qabel ma kontx toħlom li ssibha fihom – fil-funerali.

Il-kokaina m’għadhiex tas-sinjuri biss

Dawk li jieħdu d-droga, dawk li jmexxuha u ż-żgħażagħ jirreferu għall-kokaina bħala ‘l-bajda’. Illum id-droga sintetika hija l-aktar moda imma l-fatt li gramma kokaina (mhux pura) tinbigħ għall-prezz baxx ta’ bejn €30 u €50, ġabha aċċessibbli anke għaż-żgħażagħ u l-ħaddiema b’paga medja. Qabel kien hemm perċezzjoni li l-kokaina hija d-droga tas-sinjur u dawk fil-klassi medja jpejpu l-ħaxixa. Però, din m’għadhiex.

Fil-fatt f’dawn l-aħħar snin, il-kokaina f’Malta nfirxet qisha qarnita li tifni lill-vittmi tagħha u tmiss ħafna familji. “Issibha kullimkien… Fit-triq, fil-parties, fil-qasam tax-xogħol, fl-industrija, fil-lukandi, tiġijiet u saħansitra fil-funerali. Ovvja li ssibha ġo funeral illum. Nagħtik garanzija li jekk imut żagħżugħ fir-raħal u jmorru 80 żagħżugħ funeral, 50 minnhom jieħdu l-kokaina biex fil-verità, ineħħu d-dwejjaq li jkollhom,” spjegat is-sors.

Il-kokaina, li bħal kull droga oħra ddaħħlek f’vizzju li diffiċli mmens toħroġ minnu, tinġibed mill-imnieħer, jidħlikuha mas-snien, jaħarquha u tittieħed fil-vina. Ikkonsidrata perikoluża anke minħabba perikliu ta’ overdose, din il-persuna spjegat kif il-kokaina qiegħda tmiss adoloxxenti mill-età ta’ 14-il sena. 

“Xogħlha huwa li żżid ir-ritmu tal-qalb, dik li ngħidulha pulpitations. Iġġibek fuq tiegħek ħafna (hyper) bħal meta tieħu tliet espresso fuq xulxin u tieħu dik il-kafeina kollha biex tiġi f’tiegħek u tgħaġġel aktar f’dak li tkun qiegħed tagħmel,” spjegat din il-persuna. Hija, li ta’ kuljum tmiss ma’ din il-problema, qalet li l-kokaina hija velenu ieħor għas-soċjetà u l-fatt li hemm tant traffikar li jiffaċilità l-provvista tagħha, dan ma jagwura tajjeb lil ħadd. 

Rapporti u statistiċi juru s-serjetà tas-sitwazzjoni

Fl-aħħar “World Drug Report” maħruġ fl-, huwa stmat li madwar 35 miljun persuna fid-dinja jbatu minn diżordnijiet ikkawżati mill-użu tad-drogi u jkollhom bżonn trattament għall-vizzju. Informazzjoni maħruġa mill-World Data turi li ta’ kull sena, globalment, tliet kwarti ta’ miljun persuna (750,000) imutu b’mod dirett jew indirett mill-użu ta’ drogi llegali.

L-abbuż mid-droga, inkluża l-kokaina, żdied b’mod allarmanti fi żmien il-lockdowns imposti minħabba l-pandemija tal-Covid-19 fejn fl-Istati Uniti biss huwa stmat li t-total ta’ persuni li jieħdu xi tip ta’ droga sploda bi 30% iżjed. Din il-problema tidher li qiegħda tolqot anke pajjżi Ewropej bir-Renju Unit l-aktar wieħed li fih tiċċirkola u tittieħed id-droga kokaina, mentri l-Ġermanja saret il-pont ta’ dħul ta’ tunellati tagħha fi traffikar illegali minn organizzazzjonijiet kbar internazzjonali. 

F’rapport ippubblikat fuq il-ġurnal “DW”, fl-2019 fil-Ġermanja nqabdu mill-inqas 10,000 kilogrammi ta’ kokaina. Fis-sena ta’ wara dan l-ammont kien bejn wieħed u ieħor l-istess meentri sa Marzu tal-2021 dan tela’ għal 16,000 kilogramma.

Skont Jeremy McDermott, direttur tal-organizzazzjoni “InSight Crime”, l-Ewropa preżentament hija l-aktar suq attraenti għat-traffikanti tad-droga. McDermott qal li, “il-prezzijiet huma ħafna aktar għola u r-riskji huma ferm inqas minn dawk fl-Amerika. Ta’ kull sena l-Istati Uniti tonfoq biljuni ta’ dollari biex tiġġieled it-traffikar tad-droga tant li għandha armata apposta kontra n-narkotiċi. Dan wassal biex l-attenzjoni tal-kriminali waqgħet fuq is-suq Ewropew”. Huwa jemmen li s-suq tal-kokaina fl-Ewropa se jkompli jikber u dan b’mod speċjali fl-Ewropa tal-Lvant. 

It-traffikar ta’ droga fl-Ewropa, minn pajjiżi bi produzzjoni għolja bħalma huma l-Kolombja, il-Peru u l-Bolivja huwa rrapportat li jsir permezz tal-baħar fil-kontenituri tal-merkanzija li jidħlu f’diversi portijiet. Sfortunatament aktar ma jkun hemm dħul ta’ droga fl-Ewropa, aktar se jkun hemm bejgħ għall-użu. Użu minn ċittadini tal-pajjiżi fil-kontinent tagħna. Ma’ dan it-traffikar hemm il-perikli ta’ vjolenza u aktar kriminalità organizzata.

Theddida għall-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha…

Din il-ġimgħa l-Europol-UNODC fi stqarrija wissiet b’dawn il-perikli fejn sostniet li minħabba żieda fid-diversifikazzjoni tal-provvista mis-sors, qiegħed ikun hemm żieda fil-vjolenza. Fir-rapport tagħha “Cocaine Insights Report” il-Europol semmiet il-karatteristiċi prinċipali u dinamiċi ġodda tas-suq tal-kokaina fl-Ewropa li huma l-vjolenza, id-diversifikazzjoni u l-kompettività. Dawn, sostniet il-Europol, huma “theddida ċara għall-Ewropa u għas-siġurtà globali”.

Ir-rapport jgħid li l-attivitajiet kriminali ħadu xejra ġdida u ħolqu opportunitajiet ġodda fl-Ewropa għall-organizzazzjonijiet kriminali biex jirċievu konsenji ta’ kokaina direttament għandhom u jħallu lill-intermedjarji barra min-negozju. “Din il-kompetizzjoni ġdida fis-suq wasslet biex ikun hemm żieda fil-provvista tal-kokaina u konsegwenza ta’ dan qiegħda tirriżulta aktar vjolenza,” kompliet il-Europol.

Din l-aġenzija qalet li l-monopolju dominanti ta’ qabel li kien hemm fil-provvista ta’ kokaina fis-suq Ewropew qiegħed jiffaċċja sfidi minn organizzazzjonijiet u traffikanti ġodda fosthom dawk Balkani. Ir-rapport jisħaq fuq l-importanza li jsiru interventi biex jinkiser dan iċ-ċirku billi jkun hemm koperazzjoni bejn il-pajjiżi u jaqsmu informazzjoni bejniethom. Dan jgħin ukoll fir-rigward tal-ħasil ta’ flus involut f’din l-attività kriminali li jmur id f’id mal-kriminalità organizzata.

Julia Viedma, il-Kap tad-Dipartiment Operativ u Analitiku tal-Europol qalet li, “it-traffikar ta’ kokaina huwa wieħed mill-akbar inkwiet li għandha l-Ewropa bħalissa. Kważi 40% tal-gruppi kriminali attivi fl-Ewropa huma involuti fi traffikar ta’ drogi, fosthom il-kokaina li tiġġenera biljuni ta’ Ewro fi profitti illeċiti. Jekk nifhmu aħjar l-isfidi li rridu niffaċċjaw, inkunu nistgħu nkunu effettivi aktar fil-ġlieda tagħna kontra t-theddida ta’ vjolenza li jikkawżaw dawn l-organizzazzjonijiet kriminali u dan bil-għan li nipproteġu lill-komunitajiet tagħna”.

Fi tmiem ir-rapport jingħad li jekk mhiex se tittieħed azzjoni konkreta u immedjata, mill-mod kif qegħdin jevolvu d-dinamiċi ta’ dan is-suq, wisq probabbli l-perikli mill-kokaina se jiżdiedu.

L-aktar 10 pajjiżi fid-dinja li fihom hemm abbuż mill-kokaina

1. Stati Uniti

2. Renju Unit u Wales

3. Awstralja

4. Albanija

5. Skozja

6. Spanja

7. Olanda

8. Irlanda ta’ Fuq

9. Montenegro

10. Uragwaj

Statistika mill-Uffiċċju tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drogi u l-Kriminalità (UNODC)

L-aktar 10 pajjiżi fl-Ewropa bil-problema tal-kokaina…

1. Renju Unit

2. Spanja

3. Olanda

4. Danimarka

5. Franza

6. Irlanda

7. Belġju

8. Italja

9. Svezja

10. Norveġja

Malta ma kinitx imniżżla f’din l-istatistika li saret fl-2019 minn “Statista”. Minn statistika li tagħmel parti mir-rapport nazzjonali dwar is-sitwazzjoni tad-drogi f’Malta għas-sena 2020, irriżulta li l-kannabis hija l-aktar droga maqbuda mill-pulizija. Ir-rapport juri li f’pajjiżna kemm l-użu tal-kannabis, kif ukoll dak tal-kokaina żdied mentri l-abbuż mill-eroina naqas.

Sport