Minn Victor Vella
Wara l-istorja ppubblikata aktar kmieni din il-ġimgħa dwar investigazzjoni li għamilna u li minnha rriżulta li persuni b’diżabilità f’Malta huma mħallsin inqas minn kollegi tagħhom għall-istess xogħol li jagħmlu, tkellmet magħna omm dwar l-esperjenza ta’ bintha. Iddikjarat li ‘binti titħallas 5 fil-mija inqas mil-kollegi tagħha. Dan qed nikellem fuq il-paga bażika. Kuntenta li qed taħdem u tgħidx kemm jistmawha. Tweġgħani imma li titħallas inqas minn sħabha għax għandha diżabilità fiżika”.
L-omma qaltilna li “bħali hawn ħafna oħrajn. Nitkellmu bejnietna u nafu li uliedna huma imħallsin inqas minn sħabhom. Nixtieq li din l-kwistjoni kun trattata. Qed nitkellem fuq kumpaniji privati. Dan id-differenza għandha tiġi trattata. Mela uliedna mhux daqs l-oħrajn”.
Tenfasizza li “mhux se nitkellem fuq promozzjoni jew hekk. Qed nitkellem biss fuq il-paga bażika. Fuq promozzjonijiet uliedna jinqabżu. Naħseb li wasal iż-żmien li l-kwistjoni tal-pagi tal-persuni b’diżabilità tkun trattata. Għandna nara li jitħallsu daqs sħabhom. M’għandniex minn x’hiex nistħu ngħidu dan. Jiddispjaċini li fil-magħluq hemm min qalli li aħjar ma nitkellmux fuq hekk. Jien għal binti u. għal oħrajn bħalha nitkellem”.
“Jien naf kemm jaqilgħu sħabha. Hemm qisu 5 fil-mija differenza. Naħseb li wasal iż-żmien li l-kumpaniji li jħaddmu ħaddiema b’diżabilità jibdew jgħaddu l-informazzjoni kollha u sħiħa ta’ kemm qed jitħallsu l-persuni b’diżabilità u kemm qed jitħallsu sħabhom. Nemmen li l-awtoritajiet għandhom jibdew fuq dan. Għandna madwar 4,000 persuna b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol. M’għandniex inħallu minnhom li jkunu diskriminati”, temmet tgħid l-omm.
L-istess omm qaltilna li “mhux kull ġenitur li għandu ulied b’diżabilità jaqbel miegħi. Jiddispjaċini li hemm min jgħidlek li aħjar jaqla xi ħaġa u jkun jaħdem. Nifhimhom. Nagħdirhom. Tweġġa imma li tara li dawn imħallsin inqas għax b’diżabilità”.