Thursday, December 26, 2024

“Nimmisjawk u nħobbuk ħafna” … Gabriel Vella se jingħata l-aħħar tislima għada

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Miktub minn MARIA AZZOPARDI

“Bla kliem u imbikkmin għat-telfa ta’ anġlu sabiħ Gabriel” Hekk tat l-aħbar Puttinu Cares li Gabriel Vella, li kellu 13-il sena, miet wara li kien ilu jikkumbatti l-marda tal-kanċer għal dawn l-aħħar snin. “Ma ninsewk qatt. Int kont ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Ħu ħsieb lil familja kollha tiegħel mill-ġenna,” qalet Puttinu Cares.

Gabriel se jingħata l-aħħar tislima għada fil-5.30p.m. fil-pjazza tal-Qala. Huwa mitlub biex minflok ilbies skur wieħed jilbes l-abjad. Id-difna se ssir fiċ-Ċimiterju il-ġdid tan-Nadur fi Triq Għajn Qasab.

L-amministrazzjoni tal-iskola SNC Mġarr Primary School flimkien mal-istaff kollu jibgħatu l-kondoljanzi lill-Familja Ruscica għat-telfa tal-għażiż Gabriel. Huma wegħduhom it-talb u l-ħsibijiet tagħhom f’dan il-mument diffiċli.

Fuq il-profil ta’ Salvatore Miriam Ruscica kitbu, “Qalbi tiegħi strieħ fis-sliem biss ftakar dejjem li kont l-ewwel imħabba tiegħi… imħabba kbira. Ħu ħsieb lil ħutek u lilna kollha. Inħobbok qalbi sal-eternità… Nibqa’ nħobbok sal-aħħar nifs.”

Wara li ngħatat l-aħbar, bosta kienu dawk li taw il-kondoljanzi lill-familja fosthom il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici li qal li kien jinsab ixxokkjat bl-aħbar filwaqt li ħsibijietu marru mill-ewwel fil-familja tat-tifel, il-qraba u l-ħbieb. “Min jaf il-ħbieb tal-iskola ta’ Gabriel kemm bkew meta saru jafu b’din l-aħbar kerha. Fl-Iskola Sekondarja ntfiet kewkba llum u t-telfa tiegħu hi telfa tagħna kollha,” qal il-Ministru Bonnici.

Id-Deputat Nazzjonalista Chris Said qal li fil-ftit snin li kien jaf lil Gabriel ħabbu daqs in-neputijiet. “Ammirajtek kif bqajt dejjem bit-tbissima minkejja t-tbatija li kont għaddej minnha. It-tgħanniqa li kont tagħtini meta niltaqgħu se nibqa’ ngħożżha. Fil-bidu ta’ Marzu konna flimkien qed naraw logħba football. Ma ċċaqlaqtx minn ħdejja u rajtek titbissem bil-qalb kull darba li rajtni nifraħ u dan minkejja li int kont supporter tat-team l-ieħor. Dak kien Gabriel.. dejjem jitbissem ikunu xi jkunu ċ-ċirkostanzi,” qal Said.

Ekonomija

Sport