Il-Pjattaforma Marittima fi ħdan l-Università ta’ Malta, hi magħmula minn akkademiċi, riċerkaturi u esperti fis-suġġetti marittimi u fl-Ambjent tal-Baħar, qed torganizza l-konferenza internazzjonali dwar l-Innovazzjoni Sostenibbli fl-Iżviluppi Marittimi u fl-Ambjent tal-Baħar: Riċerka u Applikazzjonijiet li se ssir bejn is-7 u d-9 ta’ Mejju 2025.
Din il-konferenza multidixxiplinarja se tinvolvi firxa wiesgħa ta’ kontribuzzjonijiet interessati fl-innovazzjoni, riċerka u żvilupp marittimu u fl-Ambjent tal-Baħar lejn sostenibbiltà responsabbli. Konferenza tant meħtieġa li saret grazzi għall-appoġġ ta’ diversi entitajiet, primarjament dak tas-Segretarjat Parlamentari għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni. Appoġġ addizzjonali mill-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u Transport Malta juri l-impenn nazzjonali lejn il-progress permezz tal-iżvilupp tal-għarfien.
Din il-konferenza tilqa’ kontribuzzjonijiet kemm lokali kif ukoll internazzjonali minn akkademiċi, riċerkaturi, prattikanti, rappreżentanti mill-industrija, maniġers, leġiżlaturi/politikanti, esperti u ġenerazzjonijiet iżgħar biex jiddiskutu soluzzjonijiet għall-isfidi li qed jiffaċċjaw is-setturi relatati. Il-konferenza se tippreżenta l-aħħar riċerka u żviluppi teknoloġiċi li jikkontribwixxu għal prattiċi sostenibbli, ġestjoni effettiva tar-riżorsi, u ħarsien ambjentali. Il-parteċipanti ser ikollhom l-opportunità jinteraġixxu ma’ xejriet emerġenti, jaqsmu l-għarfien tagħhom, u jiddiskutu strateġiji biex imexxu ‘l quddiem l-iżvilupp sostenibbli integrattiv tal-industriji marittimi u l-ambjent tal-baħar.
Hekk kif il-konnettività globali tkompli tiżdied, l-integrazzjoni tat-teknoloġiji diġitali avvanzati qed tikseb importanza kruċjali għall-progress sostenibbli f’dawn l-industriji. Din is-sezzjoni tematika tinvestiga r-rwol ċentrali tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni (IT) u d-diġitizzazzjoni fir-rivoluzzjoni tas-setturi marittimi u fl-Ambjent tal-Baħar. Id-diskussjoni ser tiffoka fuq kif soluzzjonijiet IT innovattivi qed jindirizzaw sfidi sinifikanti, itejbu l-effiċjenza operattiva, u jsaħħu s-sigurtà u l-ħarsien ambjentali.
Qasam importanti li ser ikun qed jiġi esplorat jinkludi l-użu ta’ apparat IoT (Internet of Things) għal ġbir u moniteraġġ ta’ data f’ħin reali, applikazzjoni ta’ AI (intelliġenza artifiċjali) u tagħlim bil-magni għal analiżi predittiva, kif ukoll l-użu ta’ big data biex jittejbu d-deċiżjonijiet. Is-sezzjoni se tindirizza wkoll l-impatt ta’ “digital twins” u mudelli ta’ simulazzjoni fl-ottimizzazzjoni tad-disinn tal-vapuri, in-navigazzjoni, il-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet.
Se tingħata wkoll importanza lill-miżuri ta’ sigurtà ċibernetika essenzjali għall-protezzjoni tal-infrastrutturi marittimi minn theddid diġitali u l-użu ta’ vetturi taħt l-ilma awtonomi (AUVs) u networks ta’ sensors avvanzati għal studji oċeanografiċi komprensivi u monitoraġġ tal-ħabitat. Din is-sezzjoni tiffoka fuq soluzzjonijiet ta’ inġinerija permezz ta’ innovazzjonijiet mekkaniċi, software, IT u AI u żviluppi teknoloġiċi applikabbli għat-trasport marittimu sostenibbli u l-operazzjonijiet minn portijiet għal barra l-kosta.
Avvanz marittimu fil-preżent jeħtieġ li jiġi indirizzat b’mod kritiku, fejn l-ekonomija marittima, il-ġustizzja soċjali u l-ħtiġijiet ambjentali tal-baħar jiltaqgħu ma’ sfidi kbar minħabba tkabbir esponenzjali u bidla fil-klima.
Effiċjenza fl-enerġija; prevenzjoni tat-tniġġis (ħoss, kimika, plastik, dawl); trattament tal-biofouling tal-vapuri; twaqqif tat-trasportazzjoni ta’ speċi aljeni; ġestjoni ta’ attivitajiet marini b’konsiderazzjoni tal-ekosistema tal-baħar u l-konservazzjoni tagħha; valutazzjoni ta’ żviluppi industrijali u żieda fit-taħriġ; ġestjoni tal-isfruttament, sajd, turiżmu marittimu, esplorazzjonijiet u estrazzjonijiet kollha jindikaw il-ħtieġa għal programmi edukattivi rilevanti, innovazzjoni, riċerka u implimentazzjoni għal sforzi futuri ta’ bijoekonomija sostenibbli li jirrispettaw is-servizzi tal-ekosistema tal-baħar, essenzjali għall-bijodiversità u l-preservazzjoni tal-ambjent marittimu.
Il-finanzjament għall-Iżvilupp Blu Sostenibbli, it-tħeġġiġ ta’ sħubijiet pubbliċi/privati għat-taħriġ sostenibbli, għarfien, edukazzjoni u riċerka, u d-dekarbonizzazzjoni tal-attivitajiet marittimi u l-ħtiġijiet ESG (ambjentali, soċjali u ta’ governanza) jiffaċċjaw il-prattiċi tal-passat b’metodi kurrenti kif ukoll dawk fil-futur. MASS (Maritime Autonomous Surface Ships); l-Iskema tal-Kummerċ tal-Emissjonijiet; Diġitizzazzjoni; Taħriġ u aġġornament tal-għarfien tas-seafarers; Ħiliet marittimi; Konservazzjoni tar-riżorsi u l-ambjent tal-baħar; Il-lagi interni; Toroq tal-baħar; L-Akkwist Marittimu Globali u ħafna iktar aspetti jirrikjedu attenzjoni urġenti. Regolamenti ċari, validi, u implimentabbli b’mod effettiv permezz ta’ responsabbiltà u infurzar huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet tas-sostenibbiltà.
L-SMEs li jiffukaw fuq diversi ħtiġijiet li jirrispondu għal dawn id-domandi urġenti. L-involviment ta’ pajjiżi oltre’ mill-Ewropa biex isegwu l-miri legali u sostenibbli marittimi Ewropej biex jinfirex l-effikaċja tal-prattiki sostenibbli, huwa wkoll inkluż.
L-ambjenti kostali u tal-Baħar qed jiffaċċjaw sfidi bla preċedent u li qed jeskalaw malajr minħabba l-bidla fil-klima, attivitajiet tal-bniedem, u dinamika marittima li qed tinbidel. Dawn il-bidliet qed jirriżultaw fit-tibdil fl-ekosistemi, f’tixrid differenti tal-ispeċi, u qed jaffettwaw attivitajiet umani vitali bħas-sajd, enerġija rinovabbli u turiżmu.
Din is-sezzjoni se titmexxa minn grupp multidixxiplinari ta’ esperti, inklużi xjenzati ambjentali, bijologi tal-Ambjent tal-Baħar, inġiniera kostali u speċjalisti fl-enerġija rinovabbli sabiex jiddiskutu l-kunċett kumpless ta’ reżiljenza f’dawn il-kuntesti li qed jinbidlu b’rata mgħaġġla.
F’din il-konferenza se jiġu esplorati diversi kwistjonijiet kritiċi, bħal:
- ġestjoni ta’ ekosistemi tal-baħar quddiem perikli bħat-temp estrem,
- żieda fit-temperatura,
- tniġġis,
- tnaqqis fil-bijodiversità,
- sfruttament tar-riżorsi u
- erożjoni kostali.
Riċerka u teknoloġiji innovattivi għall-valutazzjoni, tbassir, mitigazzjoni u rispons għal dawn ir-riskji huma meħtieġa b’urġenza biex jiġu implimentati miżuri adegwati ta’ restawr u reviżjoni biex jintlaħaq status ambjentali tajjeb u jiġu protetti l-istakeholders u l-organiżmi marini li jibbenefikaw minn baħar b’saħħtu.
Il-parteċipanti se jkunu jistgħu jiddiskutu strateġiji biex jintegraw sorsi ta’ enerġija marittima ma’ sforzi ta’ konservazzjoni, jindirizzaw sajd żejjed u ħsarat lill-habitats, u jsaħħu r-reżiljenza tal-komunitajiet kostali permezz ta’ soluzzjonijiet bbażati fuq in-natura u għarfien komunitarju. Billi jiġu promossi djalogi interdixxiplinari u jaqsmu riċerka avvanzata u każijiet ta’ studju, din is-sezzjoni għandha l-għan li tressaq aktar fehim u rispons għal dawn l-isfidi dinamiċi.
Hemm interazzjoni fundamentali bejn is-soċjetà u l-governanza fir-rigward ta’ futur sostenibbli u ġust għas-setturi marittimi u dak tal-baħar. Strutturi ta’ governanza effettivi huma essenzjali għall-implimentazzjoni u l-infurzar ta’ politiki li jiżguraw li l-qafas regolatorju jirrifletti l-iżviluppi kurrenti. Fl-istess ħin, l-influwenzi soċjali jqajmu kuxjenza fuq kwistjonijiet ewlenin bħad-drittijiet tal-bniedem fuq il-baħar u l-ħtieġa għal avvanzi teknoloġiċi.
Din l-interazzjoni dinamika tassigura li l-istrutturi ta’ governanza ma jkunux biss reattivi iżda wkoll allinjati mal-għanijiet usa’ għall-ġestjoni effettiva u sostenibbli.
Din il-konferenza importanti se tipprovdi l-aħjar espożizzjoni u skambju ta’ esperjenzi u skoperti biex jinħolqu rakkomandazzjonijiet utli għall-aħjar prattika u għarfien għat-tkabbir sostenibbli.
Għal din ir-raġuni, ir-riżultati tal-konferenza, bħall-pubblikazzjonijiet li jistgħu jintużaw għad-dħul u żvilupp lokali u reġjonali, qed jiġu sostnuti mill-Awtorità tar-Riżorsi Ambjentali (ERA) kif ukoll minn Malta Enterprise.
Ir-reġistrazzjoni hija miftuħa hawnhekk.
Għal aktar informazzjoni, żur is-sit tal-konferenza.