Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet minn ta’ tliet snin, meta ommi kienet tieħu lili u lil ħija l-grawnd biex naraw lil missierna jilgħab il-futbol.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Swieqi United FC, hekk kif għadek kif ingħaqadt magħhom mingħand Pietá Hotspurs FC?
Ninsab eċċitat u grat għall-fiduċja li urewni Swieqi United FC … lest li nkompli nibni fuq is-snin li għaddew u nagħti kollox għal dan il-klabb, ħalli flimkien ma’ sħabi u l-kowċis niksbu l-promozzjoni għall-Malta Premier u nibqgħu mniżżlin fl-istorja tal-klabb!
X’tikkummenta proprju fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Pietá Hotspurs FC?
Bla dubju kienet esperjenza twila u sabiħa mal-klabb tal-Pietá Hotspurs FC fejn ta’ għaxar snin ingħaqadt magħhom u tlajt man-Nursery u qattajt tliet staġuni mal-iskwadra tal-kbar fejn kbirt u urejt il-potenzjal tiegħi bħala plejer. Bla dubju is-suċċess tal-istaġun li għadda fiċ-Challenge League Cup anke bil-gowl li skorjajt fil-finali se nibqa’ nġorru miegħi tul ħajti kollha!
Iddeskrivi l-esperjenza qasira li kellek ma’ Fermana fl Italja fil-passat riċenti u kemm tgħallimt minnha.
L-esperjenza qasira li kelli fl-Italja, kienet xorta waħda pożittiva għalija ghalkemm ma tantx kelli ‘playing time’, peró, bdejt żewġ logħbiet u dħalt darba bħala sostitut . Li tgħix barra minn Malta waħdek hija diffiċli u ma tkunx taf il-lingwa ma tgħinekx lanqas. Peró, ninżel b’rasi ‘l fuq u nħares ‘il quddiem sabiex meta nerġa’ nitla nkun iktar preparat.
Tqis li ‘l quddiem tilgħab mat-tim nazzjonali Malti tal-kbar?
Dik hija l-ħolma ta’ kull plejer Malti iżda mhux billi tgħidha … trid taħdem u tibqa’ konsistenti tul il-karriera kollha.
Kif tqis il-livell tal futbol Malti fil-preżent?
Din is-sena qed jilagħbu iktar plejers żgħazagħ f’kull kampjonat malti u din iġġib esperjenza fejn il-plejer jista’ jitjieb u għalhekk jitjieb il-livell tal-futbol Malti.
X’tikkummenta fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob tagħkom?
It-turf tal-grawnds huma kważi kollha ġodda u itjeb mis-snin li għaddew.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-messaġġ tiegħi huwa li kull plejer għandu joħroġ mill-‘comfort zone’ tiegħu u jaħdem qatigħ f’kull sessjoni ta’ taħriġ sabiex jikseb suċċess fil-karriera tiegħu tal-futbol!