Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-Brazilian Jiu Jitsu?
Bdejt il-jiu jitsu fl-2010 u mall-ewwel inġbidt lejn dan il-isports. Mhuwiex biss sport fiżiku li jitlob saħħa, ħeffa u qawwa, imma huwa wkoll sport intelletwali. Għax dan jeħtieġ li jkollok tagħrif fit-teknika u trid toħloq strateġiji biex tegħleb lill-avversarju tiegħek. Dan jagħmel dan l-isports verament attraenti għalija u minn dak iż-żmien qatt ma ħarist lura.
X’unuri maġġuri rbaħt fil-karriera tiegħek sa issa?
Sa issa ksibt żewġ midalji tad-deheb f’żewġ okkażjonijiet differenti fil-European Championships. Irnexxieli wkoll nasal fit-tieni post fil-World Masters Championship f’Las vegas u rbaħt żewġ midalji tad-deheb fil-Milano challenge, fl-IBJJF London Open Championship u fl-IBJJF London Open No-Gi Championship.
Kif tqis il-livell tal-Brazilian Jiu Jitsu f’pajjiżna fil-preżent u kif rajtu jinbidel tul is-snin?
Meta għall-ewwel li bdejt il-BJJ, dan l-isport kien xi ħaġa ġdida għad-dinja kollha, u aktar u aktar f’Malta. Konna biss grupp żgħir u konna nitħarrġu f’garaxx żgħir. Ilkoll kemm aħna konna nħobbu dan l-isport, u minkejja li konna grupp verament żgħir, bqajna ninsistu biex nitgħallmu, biex intejbu lilna nfusna, u biex ninkoraġixxu aktar nies jingħaqdu u jitgħallmu magħna.
Bdejna nikkompetu b’mod internazzjonali bil-livell u t-tagħrif tagħna u ksibna diversi midalji tad-deheb. Jiena kont l-unika waħda tfajla li kont qed nipprattika dan l-isport f’Malta. Illum il-ġurnata hemm ħafna timijiet li qed jgħallmu l-BJJ madwar Malta u n-numru ta’ nisa li jitħarrġu kiber sew.
Jiena nitrenja f’Avant Garde f’San Ġwann u għandi grupp sabiħ ta’ nisa li jitħarrġu b’mod regolari, b’faċilitajiet u spazji li huma kbar, u l-Head Coach Thomas, jinkoraġixxi ħafna li wieħed jitgħallem billi wkoll jagħtina aċċess għall-ġim 24 siegħa kuljum u dan lili għeni ħafna biex inkabbar l-abilitajiet tiegħi fil-jiu jitsu.
U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?
Il-kompetizzjonijiet huma organizzati madwar id-dinja kollha. Il-Europeans Championship ġeneralment tiġi organizzata f’Liżbona, imma ġieli saret ukoll fi Franza. Il-World Championship issir fl-Istati Uniti tal-Amerka.
Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-judo?
Ninsab ħerqana ħafna biex inkompli nirrappreżenta lil Malta u wkoll lit-tim tiegħi. Li diġà rbaħt żewġ titli Ewropej issa qed inħares u naħdem biex nikseb titlu mondjali fis-sena li ġejja.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-Brasilian Jiu Jitsu.
Minn dejjem kont nemmen li wieħed għandu jieħu gost jagħmel dak li jħobb. Jekk tkun tħobb xi ħaġa, kollox jiġi waħdu. Għalija, it-taħriġ mhux sempliċiment ħaġa li rrid nagħmel bħala rutina, jew li rrid nagħmel bilfors. Għall-kuntrarju, irrid inderri lili nnifsi li nimmissja s-sessjoni. Minn perspettiva aktar prattika, li tkun tajjeb fil-bjj u li tirbaħ fl-ogħla livell, jirrikkjedi ħafna xogħol iebes u dedikazzjoni. Jiena nitħarreġ il-ħin kollu u nagħmel ħafna sagrifiċċji biex nagħmel ħafna sigħat għal riżultati li nixtieq. Jekk tittrenja, il-ġlied ser jiġi aktar faċli – jekk titfa’ l-impenn fit-taħriġ u tibqa’ tipprova tiġġieled l-avversarju – mela l-kompetizzjoni se tkun ħafna aktar faċli.