Minn dak irrapurtat mill-media Ingliża, il-UEFA ressqet u approvat l-isem ta’ Philippe Diallo bħala kandidat f’isimha għall-elezzjoni ta’ President tal-FIFA f’laqgħa tal-Kumitat Eżekuttiv li damet biss 15-il minuta.
Din in-nomina kienet waħda sorpriża għaliex il-maġġoranza tal-assoċjazzjonijiet Ewropej stennew diskussjoni u vot dwar din in-nomina anki minħabba li din hija deċiżjoni mportanti li l-impatt tagħha fuq il-konfederazzjoni tal-UEFA jista’ jkun kbir.
Huma bosta l-uffiċjali fil-UEFA li qed iħossu li Philippe Diallo mhux kandidat b’saħħtu biżejjed biex jagħti sfida denja lil Gianni Infantino fl-elezzjoni ta’ Marzu li ġej fil-Marokk. Huwa għalhekk li bejn il-55 pajjiż membri tal-UEFA bdiet tinħass il-qasma u saħansitra hija diffiċli li l-eks President tal-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Futbol iġib il-voti kollha mill-konfederazzjoni tiegħu stess.
Din il-mossa min-naħa ta’ Aleksander Ceferin u l-uffiċjali tal-UEFA mhux eżatt dak li stennew l-amministraturi fl-Ewropa l-aktar minħabba l-profil mhux ta’ livell li jġib miegħu Diallo u għalhekk dawn tal-aħħar qed jisħqu li l-għażla saret bl-għaġġla u mingħajr il-konsultazzjoni neċessarja.
Gianni Infantino, il-President attwali, jibqa’ l-favorit li jerġa’ jirbaħ mandat ieħor biex ikompli fit-tmexxija tal-FIFA sas-sena 2031.




