Saturday, December 21, 2024

“Ninsab kburija b’dak li għamilt iżda mhux biss” – Maxine Pace

Aqra wkoll

Il-kantanta Maltija Maxine Pace ftit tal-jiem ilu rebħet ir-raba’ edizzjoni tal-festival li issa sar ferm popolari Mużika Mużika. Il-kanzunetta tagħha Mhux tal-Aħħar rebħet din il-kompetizzjoni mużikali sabiex saret l-ewwel kantanta femminili li ħadet dan l-unur.
Mhux tal-Aħħar hi kanzunetta b’mużika ta’ Cyprian Cassar u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss.

Il-kanzunetta “Mhux tal-Aħħar” irnexxielha tikseb 106 punti bejn il-voti tal-ġurija u l-punteġġ miksub mit-televoting.

Din il-kanzunetta tagħha titkellem dwar it-telfa ta’ xi ħadd għażiż, speċjalment dik ta’ omm jew missier, li hija diffiċli li tispjegaha jekk ma tkunx għaddejt minnha. Bi kliem sempliċi il-kanzunetta tfisser li għalkemm forsi konversazzjonijiet fiżiċi mhux se jkun hemm, xorta waħda l-bniedem jibqa’ jlissen kliem mimli mħabba. Ix-xewqa ta’ tgħanniqa, ix-xewqa tal-preżenza tal-persuna li għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem u x-xewqa li kollox imur għal li kien hija preżenti, iżda r-realtà hi differenti u din trid taċċettaha minkejja d-diffikultajiet u l-emozzjonijiet li sitwazzjoni bħal din iġġib magħha. Din il-kanzunetta tirrappreżenta emozzjonijiet onesti li żgur se jmissu qalb dak li jkun li tilef lil xi ħadd għażiż għalih. 

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Pace fejn esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li mal-ewwel darba rnexxielha tasal biex tirbaħ dan il-festival.

“Ninsab kburija b’dak li għamilt iżda mhux biss. Niżżiħajr lill-familja tiegħi, lil Cyprian li għamel il-mużika u Emil li kiteb il-lirika li flimkien ħdimna bħala tim wieħed.”

“Meta tipparteċipa f’festival daqshekk professjonali normalment ma tafx x’tista’ tistenna. Jien ma kontx qed nistenna li nirbaħ dan il-festival iktar u iktar għax kienet l-ewwel darba li dħalt fih.”

“Meta smajtha, meta kitbuhieli u kkomponewhieli Emil u Cyprian ħassejt li hija d-diska perfetta għalija, kemm jien u kemm l-awtur għaddejna mill-istess sitwazzjoni, allura stajna nifhmu mill-viċin fuq id-dedikazzjoni tad-diska. Mal-ewwel għedt li din id-diska tgħodd għalija!”

Maxine Pace mhux soltu tkanta bl-ilsien Malti minħabba li normalment dejjem kantat bil-lingwa Ingliża. Hi tammetti magħna li ħasset emozzjoni partikolari li tkanta bil-Malti u qalet li din il-lingwa ta’ art twelidna tgħinek sabiex tesprimi ruħek aħjar permezz tal-mużika. Hi faħħret il-kliem sabiħ ta’ Emil Calleja Bayliss li għamlet il-kanzunetta waħda mexxejja u tal-widna. Fl-istess din il-kanzunetta ġiet iddedikata għal ommha u anke għal omm l-awturi li tant ħadmu sabiex ikollhom dan is-suċċess.

Iżda x’taħseb Maxine Pace dwar il-konkors mużikali Mużika Mużika speċjalment dwar l-organizzazzjoni?

“Bla dubju li l-organizzazzjoni ta’ Mużika Mużika kienet waħda eċċezzjonali u professjonali. Tista’ tgħid li l-organizzaturi ħadu ħsiebna mill-ewwel ġurnata u ħassejtni veru komda naħdem magħhom. Dawn jistħoqqilhom kull tifħir għax kienu ilhom jippreparaw għal ħafna żmien.”

Pace tenniet it-tifħir tagħha għal Cyprian Cassar u Emil Calleja Bayliss li ironikament kienu huma li kkuntattjawha u li xtaquha li tkun hi l-kantanta prinċipali ta’ din il-kanzunetta. Peress li għaliha kienet l-ewwel darba għall-bidu ħasbitha għal aktar minn darba iżda huma mal-ewwel urew fiduċja fiha u l-affarijiet imxew ħarir. Fil-fatt il-verżjoni finali tad-diska ma nbidlitx minn dik oriġinali minħabba li kollox mexa kif ippjanat. 

“Kellna ġimgħa intensiva ħafna, b’ħafna provi fejn l-eċitament jibqa’ hemm, li tkun fuq dak il-palk, ma’ dik l-orkestra, festival tant prestiġjuż, ikollok dawk il-friefet li ma tistax torqod jew tistrieħ.”

Maxine Pace hi nutar. Kif jirnexxielha tlaħħaq max-xogħol tagħha li jirrikjedi ħafna ħin u l-kant?

“M’hemmx xi ngħidu mhux daqshekk faċli biex tlaħħaq ma’ żewġ affarijiet li jirrikjedu ħafna ħin, preparazzjoni u impenn. Minkejja kollox, jien nemmen li trid issib bilanċ u f’xi mumenti tara wkoll x’inhi l-prijorita’ ewlenija speċjalment f’dawn l-aħħar ġimgħat fejn tajt ħafna lill-mużika u forsi naqqast ftit mill-ħidma notarili tiegħi. Jien bniedma organizzata iġifieri b’xi mod jew ieħor dejjem laħħaqt.”

Iżda kif taraha x-xena tal-mużika Maltija llum il-ġurnata Maxine Pace?

“Naħseb li grazzi għal dan il-festival li beda tliet snin ilu iġifieri Mużika Mużika, din hi pjattaforma tajba għall-kantanti Maltin li qed jaspiraw li jkollhom futur fil-qasam mużikali. L-ispettaturi jieħdu gost jaraw festivals bħal dawn u għalhekk is-suċċess hu garantit fejn għandu x’jaqsam is-sehem tal-mużiċisti u kantanti. Kull sena dejjem qed nara impenn mill-organizzaturi sabiex itejbu l-kwalita’ mhux biss ta’ dan il-festival iżda wkoll ta’ attivitajiet oħra ta’ dan il-ġeneru.”

Maxine Pace qed tara l-futur tagħha bl-aqwa mod possibbli hekk kif mhux se tieqaf taħdem sabiex ittejjeb il-livell tagħha filwaqt li apparti li tkompli tkanta bl-Ingliż, qed tikkunsidra wkoll li tibda tuża’ l-lingwa Maltija li tant ġabitilha xorti u li sabitha komda ħafna tkanta biha.

Hi kkonfermat li għalissa mhux se terġa’ tieħu sehem fil-festival Mużika Mużika għalkemm m’għalqitx il-bibien għall-parteċipazzjoni fil-Festival tal-Eurovision Song Contest ta’ Malta minkejja li bħalissa mhux fil-pjanijiet tagħha.

Finalment tlabna lil Maxine Pace, ir-rebbieħa ta’ Mużika Mużika 2024 sabiex tgħaddi l-messaġġ tagħha lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera mużikali.

“L-ewwel u qabel kollox il-mużika hi xi ħaġa sabiħa speċjalment meta tista’ tesprimiha permezz tal-kant. Jien ngħidilhom biex jippruvaw din il-karriera, jieħdu pjaċir fuq il-palk fejn dawk il-ftit minuti int bħala kantanta tkun il-protagonista. Iżda importanti li tesperjenza l-pjaċir li tagħtik il-mużika għax din tispirak anke għal ħajtek!”

Ekonomija

Sport