Monday, September 15, 2025

‘Ninsab kuntent immens u kburi li lħaqt l-ogħla klassifikazzjoni tiegħi s’issa … il-ħames post fid-dinja’ – Bradley Zerafa

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

L-atleta Paralimpiku Malti Bradley Zerafa kompla javvanza fil-klassifika dinija tal-Para Darts wara sensiela ta’ riżultati pożittivi miksuba f’kompetizzjonijiet internazzjonali organizzati mill-World Para Darts.

Zerafa, li jikkompeti fil-kategorija tas-siġġijiet tar-roti, tela’ sal-ħames post fil-klassifika dinjija minn total ta’ 63 kompetitur.

Matul l-istaġun 2024/2025, Zerafa kiseb total ta’ 364 punt filwaqt li kkompeta f’għaxar tornej internazzjonali, b’ħames avvenimenti huma approvati minn World Para Darts, li hi l-organizzazzjoni uffiċjali tal-Para Darts.

Il-Kumitat Paralimpiku Malti feraħ lil Bradley Zerafa għas-suċċessi tiegħu, filwaqt li b’dan ir-riżultat, Zerafa kkwalifika għall-World Masters u l-Kampjonati Dinjija ta’ din is-sena bħala parti mid-WDF Darts Festival 2025 li se jsir f’Ottubru li ġej f’Budapest, l-Ungerija.

Intant, f’kummenti ma’ dan is-sit, Bradley qal: “Ninsab kuntent immens u kburi li lħaqt l-ogħla klassifikazzjoni tiegħi s’issa … il-ħames post fid-dinja, fejn matul dan l-istaġun komplejt nipprova lili nnifsi li nista’ nlaħħaq mal-aqwa fost l-aqwa li jista’ joffri dan l-isport.”

“Madankollu, kull staġun huwa storja differenti, għalhekk se nżomm rasi ‘l fuq u se nkompli naħdem biex intejjeb il-logħba tiegħi kemm nista’!”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport