Sunday, December 22, 2024

“Ninsabu tassew lesti biex nilqgħu b’entużjażmu u b’ferħ lill-Papa”

Aqra wkoll

Jitħabbru aktar dettalji dwar il-vjaġġ tal-Papa f’Malta

“Ninsabu tassew lesti biex nilqgħu b’entużjażmu u b’ferħ lill-Papa.” Hekk qal Mons Isqof Joseph Galea Curmi qal waqt konferenza tal-aħbarijiet fejn fih il-Kumitat Organizzattiv ta aġġornament dwar iż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku fi tmiem il-ġimgħa li ġejja. 

Għal din iż-żjara, in-numru tal-ġurnalisti li se jiġu minn barra jammonta għal 300 ġurnalist. Hawnhekk wieħed jifhem kemm iż-żjara tal-Papa f’Malta hija importanti u għandha rilevanza. 80 ġurnalist minn dawn it-300 huma ġurnalisti li jakkumpanjaw lill-Papa fiż-żjarat li jkollu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, intqal li din iż-żjara hija unur għall-Gvern Malti kif ukoll għan-naħa tal-Knisja illi nilqgħu fostna żjara ta’ Papa. L-aħħar żjara ta’ Papa kienet dik meta kien ġie l-Papa Benedittu sittax.

Matul din iż-żjara, il-Papa mistenni jżur diversi lokalitajiet biex isellem lin-nies u għahekk il-poplu Malti u Għawdxi huwa mistieden joħroġ fit-toroq biex ikun jista’ jagħti merħba xierqa lill-Qdusija Tiegħu.

Mons. Isqof Joseph Galea Curmi qal: “Huwa ferħ kbir li nhar is-Sibt li ġej se nilqgħu l-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku.  Dan il-vjaġġ Appostoliku tiegħu f’Malta u Għawdex, l-ewwel pjan kien sentejn ilu imma ħabba l-pandemija kellu jiġi pospost u għalhekk issa ninsabu tassew lesti biex nilqgħu b’entużjażmu u b’ferħ lill-Papa.”

Żied jgħid: “Inħeġġu lill-Maltin kollha biex nilqgħu b’entużjażmu l-Papa minn kull fejn jgħaddi, nagħmlulu festa sabiħa, nuruh l-imħabba ġenwina tagħna u jkollna wkoll widnejna u qalbna miftuħa għall-messaġġ tiegħu. Meta l-Papa jitkellem, kull fejn imur  u anke meta jitkellem minn Ruma, dejjem iwassal messaġġ li tant jolqot il-ħajja tal-bniedem.”

Il-mawra tal-Papa tibda fit-8.30a.m. nhar is-Sibt li ġej hekk kif titjira mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Ruma titlaq mill-Italja biex tasal f’Malta fl-10.00a.m. Mill-ewwel issib tilqgħu ċ-ċerimonja tal-merħba li fiha se jkunu qed jieħdu sehem l-istakkament tal-Forzi Armati ta’ Malta milqugħ mill-Eċċellenza Tiegħu l-President ta’ Malta George Vella flimkien mas-Sinjura Tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela flimkien mal-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż. 

Mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, il-Papa Franġisku ser jgħaddi minn Triq il-Kunsill tal-Ewropa u Triq Diċembru 13. Huwa se jibqa’ sejjer lejn il-Floriana u jibqa’ dieħel il-Belt Valleta sakemm jasal fil-Palazz il-Belt. 

Hemmhekk jibda żjara ta’ kortesija lill-President tar-Repubblika. Ikollu laqgħa mal-President, laqgħa oħra mal-Prim Ministru u laqgħa mal-ogħla awtoritajiet tal-pajiż.

Kif tispiċċa ċ-ċerimonja u laqgħat, għall-ħabta tal-12.15p.m. il-Papa jitlaq mill-Belt Valletta  u jasal fil-lokalità tar-Rabat fejn se jkun qed joqgħod. Mill-Belt il-Papa jibqa’ sejjer lejn in-Nunzjatura Appostolika fir-Rabat. F’dan il-vjaġġ huwa mistenni jgħaddi minn Triq Sant’Anna fil-Floriana sal-Bypass tal-Imrieħel, jgħaddi mis-Central Link u jibqa’ tielgħa t-telgħa tas-Saqajja san-Nunzjatura.

Għall-ħabta tat-3.30p.m. il-Qdusija Tiegħu l-Papa jitlaq mir-Rabat u jmur lejn il-Port il-Kbir fejn hemmhekk se tkun qed tistennih festa kbira li hija ppreparata. Minn hemm se jkun qed jaqbad il-katamaran ‘Maria Dolores’ tal-kumpanija Virtu Ferries. Intqal kif l-iktar postijiet ideali minn fejn minn fejn wieħed jista’ jara huma t-Telgħa tal-Kurċifiss, ix-Xatt tal-Belt, il-Ponta tal-Isla, il-Forti Sant’Anġlu, il-Barrakka t’Isfel u l-Barrakka ta’ Fuq, minn fejn ser jiġu sparati 21 tir.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, il-Kumitat Organizzattiv appella biex dawk kollha li huma dilettanti tal-baħar huma mistiedna biex jakkumpanjaw il-Qdusija Tiegħu Papa Franġisku ġewwa l-Port il-Kbir.

Il-Papa jasal f’Għawdex għall-ħabta tal-5.00p.m. fejn hemmhekk se jkun qed jintlaqa’ mill-poplu Għawdxi fi triqtu lejn is-Santwarju Ta’ Pinu. 

Lura lejn Malta, din id-darba bil-vapur Gozo Channel fejn mistenni jasal iċ-Ċirkewwa għall-ħabta tas-7.15p.m.  Fi triqtu lejn ir-Rabat għan-Nunzjatura, il-Papa se jkun qed jgħaddi mit-telgħa tal-Mellieħa, jibqa’ sejjer lejn it-telgħa tax-Xemxija, jgħaddi mill-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, Burmarrad, jibqa’ sejjer lejn il-Mosta biex jasal għad-destinazzjoni tiegħu fir-Rabat.

L-għada l-Ħadd, il-Papa Franġisku jmur fil-Grotta ta’ San Pawl, wara jidħol fil-Bażilika ta’ San Pawl. Minn hemm imur fuq il-Fosos tal-Floriana fejn se tiġi ċċelebrata l-Quddies li tispiċċa għall-ħabta ta’ 12.00p.m. Wara nofsinhar il-Papa mistenni jiltaqa’ mal-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi. 

Ara l-programm uffiċjali taż-żjara tal-Papa f’pajjiżna hawnhekk:

Ekonomija

Sport