Sunday, March 16, 2025

“Nintefa naħdem u ninsa kollox … ma nafx x’se jiġri minn din is-sengħa”- Charlo Xuereb, l-aħħar Lutier Malti

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Jien hawn id-dinja tiegħi. Nintefa’ naħdem u ninsa kollox”.  B’dawn il-kliem laqgħani Charlo, hekk kif dħalt f’daru. Kif tidħol eżatt bħal f’kull dar oħra antika Maltija issib is-salott, imma fid-dar ta’ Charlo tolqot mill-ewwel il-bottega tiegħu. Vjolini imdendlin. Li kif tħares lejhom tinduna li f’dak il-post jaħdem dak li jibni l-vjolin.  Għodod. Bank li fuqu isir xogħol delikat u ta’ paċenzja kbira. Kif tibda tifli l-għodda tinduna li hemm għodod ċkejknin ħafna. 

Kollox ippustjat pulit. Fl-ordni. Tinduna mill-ewwel li min jaħdem minn wara dak il-bank, anke jekk ma tkunx tafu, hu dedikat għall-aħħar. Li s-sengħa qiegħda f’qalbu. Dik il-bottega u l-mod kif kollox hu ordnat għall-aħħar, tieħu aktar l-impressjoni li qed tara xi ħaġa f’mużew, esebizzjoni, milli żona li fiha l-uniku Lutier Malti li fadal jagħmel dan ix-xogħol.

“Inti biss fadal Lutier?”….”hawn ieħor Brażiljan”

Nirrimarkalu li ma naf bl-ebda Lutier ieħor f’Malta. Nistaqsih hux l-aħħar wieħed. “Malti jien fadal. Imma hawn ieħor Brażiljan. Jaħdem f’Bormla. Oriġinarjament jien Bormliż. Post li fih kellna ħafna snajja hemm”, jgħid Charlo.

Jibda’ jurini vjolin wara l-ieħor. Forom kif jinħadem. Jurini ukoll vjolini li kien qed jaħdem fuqhom biex jintunahom.  “Jien kont indoqq il-vjolin. L-ewwel vjolin bdejt nitgħallmu. Dejjem kelli interess ta’ kif se nżarmah. Dejjem ridt nara kif inhu minn ġewwa. Kien jinteressani dan  aktar milli ndoqqu.   Moħħi kien dejjem jaħseb li jara kif se niftħu u narah minn ġewwa”

“Jien kont indoqq il-vjolin bil-widna. L-ewwel wieħed kien vjolin tal-qamel. Kont iddubajtu.  Mort nistudja il-mużika. Jien mort għand persuna privata. Dan it-tagħlim kien jurini ukoll kif nikteb il-mużika. U bdejt nara l-mużika u hemmhekk inġbart. Kif taqbad tgħid, bdejt inħobbu ħafna u l-fatt li bdejt nitgħallem aktar issir mużiċist”.

“L-interess kien kbir –  li nħares  lejh. Kien jaffaxxinani narah, kif inhu mgħawweġ u kif inhu ffurmat. Meta kont żgħir kont anke apprendista u għamilt tlett snin fl-iskola tal-bini.  Kont nitgħallem it-technical drawing u kien faċli inpinġi.  Missieri kien tarznar u s-sengħa dejjem kienet hemm u lilna kien jagħfas fuqna.  Kien jgħidilna tgħallmu l-iskola. Tgħallmu sengħa. Dak iż-żmien konna nitgħallmu ftit minn kollox. Jien naħseb li din kienet xi ħaġa tajba”

“L-interess fis-sengħa tal-id, jien trabbejt fih. Meta kont tifel konna ngħixu f’Bormla. Kien hemm ħafna nies tas-sengħa. Għadd kbir ta’ ħajjata. Nies jibnu d-dgħajjes. Kien hemm statwarji magħrufin. Jien minn dejjem kont dilettant tal-Knisja u l-Ġimgħa l-Kbira. Il-bradelli kienu jaffaxxinawni. Bormla kien post qisu mekka tas-snaijja. Tara hekk madwarek bilfors titħajjar taqbad sengħa.”

Kien hemm ħafna bottegi f’Bormla… iħajruk taqbad sengħa

“Kien hemm ħafna li kellhom dik id-daqxejn ta’ kamra, jibdluha f’bottega u jċekċku fiha. Kien hemm diversi ħaddieda. Min kien jgħix f’Bormla dak iż-żmien awtomatikament kien qed jgħix f’belt li kienet tiffunzjona minn kollox. Kienet belt, li jien għalkemm tlaqt minnha, għandi rispett kbir lejha. Hi belt li  għandha storja tremenda. L-interess tiegħi fil-vjolin kiber. Fuq kif jinħadem u mhux kif iddoqqu. Ridt nara kif ikun u kif jiffunzjona”

“Kont naqra ħafna u kont nixtri l-kotba.  U dejjem naqra fuqu. Kont naqra l-Strad. Dawna huma kotba fuq il-luterija. Dan kollox kont inġib minn barra minn Malta. Id-dinja dak iż-żmien ma’ kinitx bħal lum. Id-dinja kienet kulħadd għalih dak iż-żmien. Kont issiefer l-Ingilterrra jew Italja u tidħol f’librerija.  U minn hemm tibda tieħu sew”.

“Fil-bidu taż-żwieġ, il-mara xtratli vjolin minn Cremona bħala rigal. Dan kelli nmur għalih. Dak iż-żmien ma kienx hawn internet. Id-dinja llum inbidlet. Mort hemm u rajt dawn il-bottegi kollha ta’ luterija. Bejni u bejn ruħi għidt jien suppost ilni li ġejt. Għidt jien twelidt f’post differenti. Kien fi Frar imma kienet xitwa qalila. Kont mort hemm ma’ ħabib tiegħi dilettant tal-istrumenti.” 

“Minn fejn xtratli l-vjolin għadni ħabib miegħu sa llum…..għidt irrid bottega bħal ta’ dan”

“Minn fejn mort niġbor il-vjolin li xtratli l-mara għadni ħabib miegħu sa llum. Meta kont hemm għidt li rrid li jkolli bottega jien ukoll. Biex dan isir trid  tixtri l-għodda addattata. Dak iż-żmien kien differenti mhux bħal lum tixtri onlajn. Biżżejjed ngħidlek li għandi ċana żgħira ħafna taħsibha tal-logħob. Kont nixtri billi nagħmel postal order.  Bil-mod il-mod bdejt narma. Biż-żmien daħal l-internet. Imma anki hemm għalkemm kien jgħinek ħafna fil-bidu is-saħħa tiegħu ma’ kinitx bħal dik li hi llum. Kont noqgħod nistenna biex jinżel ir-ritratt. Min jaf kemm-il darba weħel u kien ikolli aptit ngħolli l-kompjuter”, qalilna bid-daħka Charlo. 

“Illum aktar faċli hux. Bdejt nitgħallem nuża l-kompjuter. Illum il-mowbajl għandu saħħa daqs kompjuter. Min illum jiddeċiedi li jarma bħala lutier illum, għandu l-ewwel nofs is-sengħa diġa qiegħda għandu. Qisu bħal meta bniedem tas-sengħa jidħol it-tarzna. La tajjeb għal hemm kellu kollox.  Jien bdejt narma. Għamilt bank li naħdem fuqu skont il-ħtiġijiet. Luterija f’Malta ma kienx hawn. Dawn li kienu jagħmlu l-kitarri kienu xortihom tajba għax hawn kitarri tal-għana.  Illum hawn Lutier ieħor hawn. Iltqajt miegħu. Qiegħed jaħdem f’Bormla u hu Brażiljan. Bravu ħafna u studja l-iskola ta’ Cremona u gradwat fil-luterija internazzjonali. Artist u vjolinist. Għandu kapaċitajiet kbar. Għandu kollox.”

“Fil-luterija ….tara d-differenza bejn vjolin u ieħor”

Charlo, jibda jaqla’ l-vjolini u jurini d-differenzi bejniethom. Beda jdoqqhom ukoll. Urieni wieħed li kien għadu kif irrestawrah. “Dan mhux xi vjolin li tiskanta bih, imma irrestawrajtu.” Jaqbad idoqqu. “Għandu ħoss tajjeb issa”, jirrimarkali.

“Tara vjolini sbieħ ħafna imma tinduna li ma jdoqqx daqshekk.  Min jaħdem il-vjolin irid ikollu kapaċità kif jaqta’ l-formaturi. U mbagħad tara vjolini oħra u l-kwalità tal-ħoss tkun tajba ħafna. Il-kwalità tal-ħoss tal-vjolin hu l-mod  ta’ kif tarmah u l-qies tiegħu. Jekk nieħdu l-kulur tiegħu, tara  l-verniċ u dak fih is-sengħa. Tara vjolin partikolari u tgħid min għamlu għandu d-daqqa’. Jien kont nirrestawra l-vjolini. Bdejt nagħmel ix-xogħol kif għandu jkun. Irrestawrajt vjolini li ħadu keded kbar  għax il-klima tagħna hi dik li hi. Dejjem trid iżżomm f’moħħok li f’idejn għandek oġġett delikat u li dan jista’ jitkisser faċilment.”

Jenfasizzalna li “maż-żmien bdejt inqabbel l-injam proprja. Għandek l-iSpruce (tip ta’ siġra tal-prinjol), jintuża fuq quddiem u l-ġnub. Imbagħad għandek l-iSkroll li hi l-parti fejn ikun hemm l-id u dahru hu magħmul minn injama oħra magħrufa bħala Aġġru (Maple). L-injam inġibu mill-Awstrija.  Il-proċess hu wieħed elaborat imma mbagħad tidrah. L-ewwel ikollok il-forma u tagħmilha fuq mudell.  Jien nuża l-forma interna.  Imbagħad tibda taħdem fuq il-ġnub. Insaħħan l-injam. Dan irid ikun ta’ ħxuna ta’ bejn 1.1 u 1.2 mm. Nuża l-kolla minn dik tal-presepju.”. 

Nistaqsih jekk din hix il-kolla bajda u dlonk irrimarkali bla tlaqlieq li ‘l-kolla bajda hawn ma tidħolx”.  Anke meta tagħti l-verniċ, dan ma jridx jidħol fl-injam. F’xi żmien kienu jużaw il-bajd. L-aħjar ħaġa li sabu hi l-kolla fina msaħħna. Din tippenetra fl-injama. La darba tagħti lilha l-vjolin hu ssiġillat. Anki bħala ħoss jiġi aħjar.”

“Irbaħt l-aqwa ħoss b’din il-Vjola”

Jinqala’ ftit minn fejn kien għaddej fid-diskursata miegħi u narah ġej b’dak li dehrli li kien vjolin. “Din Vjola. Din jien ħdimtha. Ħadt sehem f’kompetizzjoni u irbaħt biha bħala l-aqwa ħoss.  Il-kompetizzjoni kienet fi Cremona.”

Jerġa’ jiġi ħdejja din id-darba bi vjolin miftuħ. “Ara kif ikunu l-ġnub”, beda jispjegali Charlo. “Wara li nkun għamilt il-ġnub nibdew nittrimjaw il-blokok. Imbagħad nibdew ninkullaw.  Wara li tagħmel dan nagħmlu dik li ngħidulha l-kontra faxxa.  Bħala injam għal blokok ġieli nużaw l-injam magħruf bħala ‘Willow’ (tip ta siġra bħaż-Żafżafa) jew “Spruce”. Wara imbagħad taħdem id-dahar. Imbagħad għas-sbuħija tiegħu, għax ittih laqta verament sabiħa nagħmlu faxxa tal-Ebonju. Meta isir id-dahar tiegħu jinqala’ mill-forma.”. 

Il-futur ta’ din is-sengħa x’inhu?….se tmut mewta naturali?

Imma x’inhu l-futur ta’ din is-sengħa f’pajjiżna? Jgħidilna li “din hi sengħa sabiħa ħafna. Fuq il-futur? Li nista’ ngħid hu li bħalissa hawn tfajla li hi vjolinista. Nixtieq li insib l-ħin proprja, il-problema hi ma nistax inkun f’ħinijiet kontinwi magħha. Hi għandha x-xewqa  li taqbad din it-triq. Li tirranġa u tibni l-vjolini.  Bhala tfajla tidher li tippersisti u hi mużiċista brava  ħafna. Ma nafx imma kemm tista’ tqatta’ sigħat tipprattika il-mużika u fl-istess ħin tagħmel ix-xogħol ta’ Lutier. Naħseb li trid tagħżel. Hawn trid tqatta’ sigħat sħaħ.

Trid tara kif se ssib bilanċ.  Illum hawn ħafna xi jtellef għalhekk is-snajja naqsu.  Illum daħlet din il-kultura ta’ uża u armi.  Din hi sengħa li fiha tara vjolin li jkun fi stat ħażin u b’intervent iġġibu iddoqq u jintuża. Jien per eżempju ħdimt Vjolinċell. Kollu jien għamiltu. Qatt ma naf li kien hawn xi  ħadd li ħadem Vjolinċell magħmul f’Malta. Għadni kemm lestejt wieħed għat-tifel Daniel, li huwa mużiċista u jinsab fl-Olanda jistudja l-mużika”.

Jenfasizza li “hemm sodisfazzjon kbir meta nara strument li nkun ħdimt fuqu jintuża u jindaqq.  Kollox isir bl-idejn. Magni ma’ jintużawx.  Illum ħafna affarijiet saru jkunu magħmulin  b’mod ta’ uża u armi.  It-tama tiegħi hi li din is-sengħa ma tmutx”, itemm jgħid Charlo.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport