Sunday, December 22, 2024

NIPPRESERVAW L-GĦODDA TA’ DAWK LI JITIMGĦUNA

Aqra wkoll

Għadhom kif għaddew il-vaganzi tal-Milied u żgur mhux forsi li stajna ninnutaw kemm bħala poplu, il-Malti jħobb żaqqu. Dan stajna nikkonfermawh f’dinja moderna fejn permezz tat-teknoloġija, dak li jkun jista’ f’qasir żmien ixerred ritratti ta’ dak li jkun qiegħed jagħmel, anke barra minn xtutna. Qalb il-ħafna xenarji mill-isbaħ li bħala pajjiż m’aħniex imdorrijin bihom, bħalma huma l-muntanji miksijin bis-silġ, il-Maltin ixerrdu ħafna ritratti ta’ platti u ikel varjat mill-postijiet li jkunu marru fihom. Oħrajn saħansitra jitpaxxew b’dak li jkunu ordnaw, iżda jistqarru pubblikament li għalina l-porzjonijiet huma żgħar wisq.

Dan kollu jfakkarna f’kemm hu importanti li nieħdu ħsieb il-provvista tal-ikel u li wara ħafna prodotti li nikkunsmaw hemm bdiewa, raħħala u sajjieda li qalb tant diffikultajiet jissagrifikaw ħafna minn ħinhom biex iwasslu dak li s’issa għad għandna l-lussu li nsejħulu “frisk” u “lokali”. Ngħidu s’issa għaliex mhux xi ħaġa sigrieta li dawn in-nies qegħdin ibatu biex jaħdmu kontra ċertu sfidi internazzjonali, elementi naturali u anke sfida biex jifirxu l-ħidma tagħhom, li ta’ kuljum iġegħluhom jaħsbuha darbtejn jekk iwarrbux mis-settur u jfittxu ħajja b’inqas tbatija.

Xokkijiet kbar internazzjonali kellhom jgħallmuna li xogħolhom huwa imprezzabbli u li jekk kemm-il darba dawn iċedu l-armi, mela allura l-poplu kollu jkollu jiddependi minn dak li joffrielna ħaddieħor. Ngħiduha kif inhi, pajjiżi oħra li għandhom medda ta’ art akbar u aktar faċilitajiet biex jipproduċu l-prodotti ma nassumux li se jkunu qegħdin jesportaw l-aqwa prodotti lilna jew lil pajjiżi oħra. Hija loġika li dak li jkun iżomm l-aħjar għalih jew għan-nies tiegħu u għalhekk għandna konferma oħra ta’ kemm għandu jkollna għal qalbna s-settur agrikolu f’pajjiżna.

Il-bikja hija li bejn iċ-ċokon ta’ pajjiżna, u l-iżviluppi ta’ proġetti kbar li offrew biex ngħidu hekk opportunitajiet ġodda ta’ xogħol lil diversi persuni jew iffaċilitaw l-inkonvenjenza ta’ konġestjonijiet tat-traffiku, tomniet sħaħ ta’ raba’ inbidlu f’wiċċ ta’ asfalt jew saħansitra fi strutturi tal-konkrit li issa m’hemmx lok li nerġgħu nreġġgħu l-arloġġ lura. Li kien kien u li sar sar, iżda dak li se jiġri minn hawn u ftit tas-snin oħra jħoll u jorbot minn deċiżjonijiet li se jkunu qegħdin jittieħdu minn issa ’l quddiem. Fl-aħħar jiem rappreżentant tal-Għaqda Bdiewa Attivi tkellem magħna rigward it-tħassib tiegħu quddiem applikazzjonijiet ta’ proġetti kbar li jekk kemm-il darba jiġu approvati, se jkunu qegħdin inaqqru 75 tomna raba’ oħra.

Fit-tieni nofs tas-sena li għaddiet, il-Ministeru tal-Agrikoltura esprima impenn li jgħin lill-bdiewa tagħna għax pajjiżna donnu fehem li wara pandemija u sitwazzjoni bħalma ħolqot l-invażjoni fl-Ukrajna, jeħtieġ li pajjiżna jinċentiva lil dawk li ġenwinament jaħdmu biex jipproduċulna prodotti li xi kultant nonqsu milli naprezzaw il-proċess twil warajhom. Nemmnu però li dan mhuwiex biżżejjed. Nemmnu li hemm bżonn ta’ diskussjonijiet wiesgħa biex is-settur agrikolu ma jibqax jgħum f’vaska mifruda mix-xmara li tinkorpora l-bqija tas-setturi. Dan ma ngħiduhx aħna, iżda dawk kollha fis-settur li minħabba deċiżjonijiet li jittieħdu jħossuhom li huma maqtugħin mill-bqija tad-deċiżjonijiet fil-pajjiż fejn bħal donnu baqgħet tkarkar ir-retorika ta’ nies li jkollhom ibatu minħabba li naqsu milli jiksbu ċertu kwalifiki fil-proċess tal-edukazzjoni tagħhom. Hemm bżonn li bħalma ġara fil-passat riċenti meta l-Ministeru tal-Agrikotura u dak tal-Ġustizzja ngħaqdu biex jipproteġu lill-bdiewa li jaħdmu l-art bil-qbiela, hekk ukoll din id-darba, dak tal-Ippjanar jikkonsulta ma’ dawn in-nies qabel japprova jew jiċħad tali applikazzjonijiet li qed ikomplu jitressqu quddiemu.

Il-Malti jgħid qis mitt darba u aqta’ darba u hekk nemmnu li għandu jsir quddiem deċiżjonijiet tant importanti fejn jidħol il-futur tal-poplu tagħna. Il-poplu qiegħed isir konxju u saħansitra jinsab imħasseb li deċiżjonijiet ħżiena llum jistgħu jwasslu biex jagħlqu l-bibien lil dawk il-bdiewa żgħażagħ, li għalkemm mhumiex fil-kwantità, għandhom l-għatx li jaħdmu ċertu ammont ta’ raba’ li mhux isibu. Id-deċiżjonijiet jaffettwaw il-kwalità tal-ħajja tan-nies inġenerali għax jimpurtahom milli jsibu spazju miftuħ fejn igawdu mal-familja tagħhom u fuq kollox li meta jmorru jfittxu x’jieklu, jsibu wkoll. It-tmun f’idejna u minn dak li se jiġi deċiżi issa jew fis-snin li ġejjin se jħoll u jorbot fuq kemm pajjiżna se jkun kapaċi jiddependi mill-inqas fuq l-importazzjoni minn pajjiżi oħra li ovjament mhux se jagħtuna l-aħjar prodotti tagħhom… la lilna u lanqas lil ħadd.

Ekonomija

Sport