Il-ħwienet tax-xagħar u tas-sbuħija fl-Afganistan se jagħlqu fil-ġimgħat li ġejjin fuq ordni tat-Taliban. Dan l-għeluq se jwassal għat-telf ta’ madwar 60,000 impjieg.
L-istabbilimenti tax-xagħar kienu tħallew ikomplu jopera minn meta t-Taliban reġa’ ħa l-poter sentejn ilu, iżda din il-pożizzjoni nbidlet ix-xahar li għadda. Din id-deċiżjoni tkompli tirrestrinġi l-ispazji miftuħa għan-nisa Afgani, li diġà huma pprojbiti milli jattendu fl-universitajiet, jew li jmorru gyms u anke f’parks.
Zarmina, li għandha 23 sena, kienet qiegħda tiżbogħ xagħarha kannella skur meta ħarġet l-aħbar li dawn il-ħwienet kienu se jagħlqu daqt. “Sid il-ħanut ħadet xokk kbir u bdiet tibki. Lanqas stajt inħares fil-mera. Bħal donnu waqa’ silenzju kbir mal-aħbar u kulħadd infaqa’ jibki,” hija żiedet tgħid.
Zarmina tgħix f’Kandahar fin-nofsinhar tal-Afganistan. Hija tgħid li huwa komuni f’dan il-post li l-irġiel jipprojbixxu lil uliedhom milli jagħmlu l-make-up jew imorru għal trattament tas-sbuħija.
“Il-parti l-kbira tan-nisa jkunu libsin il-burqa jew il-hijab hawn. Aħna aċċettajna dan bħala parti mill-kultura tagħna,” qalet Zarmina li kienet iżżewġet ta’ 16-il sena. Tgħid li diskursata mal-beautician tagħna kienet biżżejjed biex tagħtiha sens rari ta’ libertà.
“Ma kontx nista’ nitlaq mid-dar waħdi, iżda rnexxieli nipperswadi lil żewġi u tħallejt immur f’dan il-ħanut tas-sbuħija darbtejn jew tliet darbiet biss fis-sena,” hija kompliet tgħid. “Id-drittijiet tan-nisa f’dan il-pajjiż komplew jonqsu. Illum in-nisa jitkellmu dwar il-qgħad, diskriminazzjoni u l-faqar.”
Madina, mara ta’ 22 sena residenti Kabul, tgħid li kull mara tħobb tilbes skont il-moda u anke tagħmel il-make-up. Tgħid li żewġha jħobb jaraha tbiddel il-kulur ta’ xagħarha jew meta taqtgħu.
“Żewġi dejjem jeħodni fil-ħanut tas-sbuħija u jibqa’ jistennieni sakemm inlesti. Huwa mbagħad jikkumplimenta d-dehra tiegħi wara li nlesti u dak lili jagħmilni kuntenta,” tenniet Medina.