Tuesday, August 12, 2025

“Nisa f’sitwazzjoni bħal din għandhom isibu kompassjoni u għajnuna u mhux qorti”

Aqra wkoll

“Nisa f’sitwazzjoni bħal din għandhom isibu kompassjoni u għajnuna, mhix inkwiżizzjoni u proċeduri l-Qorti.” Hekk stqarret is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg b’referenza għal sentenza li ngħata tfajla ta’  28 sena wara li ammettiet li kienet wettqet abort.

“Taqbel jew ma taqbilx, konvinta li ħafna jemmnu li mara m’għandhiex tissogra l-ħabs f’każ hekk. Min jaf kemm smajna li qatt ħadd ma mar jew irriskja l-ħabs. Min jaf kemm smajna mhux vera qed jitressqu nisa l-Qorti. Però din is-sentenza tal-Qorti lbieraħ terġa’ tesponi b’mod ċar li r-realtà hi differenti minn hekk.In-nisa m’għandhomx ikunu f’sitwazzjoni ta’ biża’ li saħansitra jitolbu għajnuna medika,” kitbet is-Segretarju Parlamentari Buttigieg.

Fl-aħħar jiem il-Qorti tressqet tfajla ta’ 28 sena fejn kienet akkużata li wettqet abort. Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hija ammettiet li wettqet dan ir-reat is-sena li għaddiet.

Il-Prosekuzzjoni qalet li hija kienet xtrat pilloli biex ittemm it-tqala minn fuq l-internet u wara li ħasset uġigħ marret l-isptar fejn infurmat lit-tobba b’dak li għamlet.

Għal dan il-każ, it-tfajla ġiet ikkundannata 22 xahar ħabs sospiżi għal sentejn.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u Ian Vella waqt li l-Prokuratur Legali Peter Paul Zammit deher għat-tfajla.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport