Friday, December 20, 2024

Nisa Laburisti sodisfatti bil-bidliet fil-liġi tal-IVF

Aqra wkoll

Il-bidliet proposti fil-liġi tal-IVF li se jwasslu biex aktar persuni jkollhom l-opportunità li jsiru ġenituri intlaqgħu b’sodisfazzjon min-Nisa Laburisti billi wkoll il-liġi tal-2012 ma kinitx tagħmel ġustizzja ma’ persuni bi sfidi ta’ infertilità.

Fi stqarrija li ħarġu, in-Nisa Laburisti sostnew li frott id-deċiżjonijiet meħuda minn Gvern Laburista bejn l-2013 u l-2021, twieldu aktar minn 400 tarbija. L-emendi li saru fl-2018 li għamlu l-liġi aktar moderna komplew iżidu l-opportunità biex aktar persuni jsiru ġenituri, iżda fadal ir-realtajiet ta’ dawk li sal-lum huma kostretti li jħallsu u jsiefru barra biex ikollhom iċ-ċans li jsiru ġenitur/i. 

L-istqarrija żiedet tgħid li matul dawn is-snin, Nisa Laburista baqgħet tisma’ mill-viċin dawn ir-realtajiet u għalhekk tilqa’ l-emendi ppubblikati għaliex se jolqtu b’mod pożittiv lil eluf ta’ persuni.

Il-President tan-Nisa Laburisti Nikita Zammit Alamango sostniet li dawn il-bidliet kuraġġużi mhux biss jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-ġenerazzjoni preżenti iżda anke ta’ dawk futuri. Emendi li se jagħmluha possibbli li anke wliedna jkollhom l-opportunitá sħiħa f’pajjiżna stess li jsiru ġenituri.

F’dan l-isfond, Nisa Laburisti tinnota b’mod pożittiv li din il-wegħda ewlenija tal-Partit Laburista, qegħda tinbidel minn proposta f’kisba fl-ewwel 100 jum minn meta l-Prim Ministru Robert Abela ngħata l-fiduċja.

Ekonomija

Sport