Monday, May 26, 2025

Nispera li Malta jkollha riżultati pożittivi bħalma kellna fl-2023 – Alex Degabriele

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l imhabba tieghek lejn it-tennis?

Bdejt nilgħab it-tennis minn etá żgħira ħafna. Nista’ ngħid li kważi bdejt b’kumbinnazzjoni għax jien m’għandi l-ħadd fil-familja li jilħgħab it-tennis, u li kien għal missieri kont nilgħab il-futbol. Infatti sa kemm kelli 12-il sena kont nilgħab kemm it-tennis kif ukoll il-futbol. Tista’ tgħid li wara li qbadt ir-racket għall-ewwel darba kont naf li dan huwa l-isport li kont se nibqa’ nilgħab. Issa ili nilgħab 15-il sena madwar id-dinja u grazzi għat-tennis kelli ċans li nikkompeti kontra ħafna plejers kwotati f’etajiet differenti. Żgur li se nibqa’ niftakar tournament speċjali meta fil-Kampjonati Ewropej ġewwa r-Repubblika Ċeka kien hemm plejers bħal Alcaraz u Rune.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa f dan l-isport li tant tħobb?

It-tennis huwa sport diffiċli ħafna biex tipprattika. Xi kultant anke biex tirbaħ logħba waħda huwa diffiċli. Madankollu, kelli xi suċċessi tul iż-żmien li ili nilgħab. Dan l-aħħar ġewwa l-Istati Uniti, it-tim tal-College tiegħi l-UNCW, erġajna rbaħna il-Conference tac-CAA. Dan kien it-tielet suċċess f’dan il-Conference konsekuttiv. Fuq livell personali, ir-rebħa tal-ITF PRO fid-doubles is-sajf li għadda huwa bla-dubju l-aqwa riżultat s’issa. Ma nistax man-semmiex ukoll il-promozzjoni li Malta kellha fid-Davis Cup is-sena l-oħra hekk kif Liam Delicata u jien irbaħna l-logħbiet rispettivi tagħna. Din kienet t-tieni promozzjoni fi tliet snin għal pajjiżna.

Kif tqis il-livell tat-tennis f’Malta fil-preżent?

Huwa difficli li nagħmel dan il-ġudizzju għax għal aktar minn kwazi għaxar  xhur fis-sena ma nkunx hawn Malta. Kollox jindika peró li l-moviment tennistiku qiegħed jitjieb. Issa hemm żewġ plejers li kwazi qed jilagħbu professjonalment, qed nirreferi għal Liam Delicata u jien, u jidher ċar li hemm anke ż-żagħżugh Evan Galea li qed jitħarreġ ġewwa Spanja. Hemm bżonn li aktar plejers jieħdu dan l-isport b’mod professjonali biex ikompli jitjieb il-livell.

U dak tar riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

F’dawn l-aħħar snin il-Federazzjoni Maltija tat-Tennis qed tagħmel minn kollox biex ikun hawn f’Malta ċ-Ċentru tat-Tennis. Dan il-proġett huwa essenzjali biex il-plejers ikunu jistgħu jitħarrġu b’mod adekwat. Importanti ukoll li mhux biss ikollna l-infrasstrutura  iżda wkoll coaching staff ta’ livell. Idealment ikun hemm ukoll aktar tfal li jilagħbu f’livell għoli.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar 2025 f’Andorra?

Dawn il-logħbiet huma importanti sa ċertu punt u jiffirmaw parti minn kalendarju tas-sajf li fih ukoll numru ta’ kompettizjonijiet oħra fosthom, id-Davis Cup, l-aktar tournament importanti fuq livell nazzjonali, il-University Games, u wkoll numru ta’ kompetizzjonijiet tal-ITF Pro fuq livell personali. Il-GSSE 2025 jiftaħ l-istaġun tas-sajf u nispera li Malta jkollha riżultati pożittivi bħalma kellna fl-2023.

U lejn il-futur tiegħek f’dan l-isport?

Wara s-sajf nerġa’ mmur l-Istati Uniti biex nispiċċa l-programm tat-tennis u studju fi ħdan il-UNCW. L-għan ewlieni jkun li nerġaw nirbħu c-CAA Conference. Qed naħdem ukoll biex intejjeb ir-ranking ġewwa l-Istati Uniti kemm fis-singles kif ukoll fid-doubles. Ma nafx eżatt il-programm wara li nispiċċa iżda cert li se nkompli naħdem biex intejjeb ir-ranking mondjali biex inkun nista nieħu sehem f’tournaments professjonali. Nixtieq nirringrazzja li-MEYR tal-għajnuna tagħhom waqt li qiegħed l-Istati Uniti, kif ukoll lill-Kumitat Olimpiki Malti (KOM) tal-għajnuna kollha matul is-sena. L-aħħar ringrazzjament imur lill-MTPF li jsegwu l-plejers anke meta ma nkunux Malta.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika t-tennis.

Verament nixtieq li bħala pajjiż nagħmlu t-tennis aktar aċċessibli għat-tfal u nispera li aktar tfal jibdew jilagħbu dan l-isport tant sabiħ. Is-saħħa ta’ kull sport qiegħed fin-numri u hija tassew ħasra li għad m’hemmx biżżejjed numri biex joħorġu biżżejjed plejers li jilagħbu fuq livelli professjonali. F’Malta għandna l-klima u r-riżorsi ideali sabiex dan l-isport jimraħ, iżda għal xi raġuni xorta għadna nbatu biex inħajru aktar tfal biex jibdew jipprattikaw dan l-isport sabiħ.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport