Sunday, December 22, 2024

“Nistgħu ngħaqqdu l-isforzi tagħna fil-qasam marittimu”

Intervista li kien ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia tingħata prominenza fil-midja tal-Ażja

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

F’artiklu ppubblikat fuq il-ġurnal The Asian Age, fl-okkażjoni tal-10 snin mill-ewwel pubblikazzjoni tiegħu fil-Bangladesh, saret referenza għal intervista li kien ta l-Ispeaker Anġlu Farrugia li trattat diversi temi ewlenin fosthom il-qasam marittimu.

Din l-intervista, li saret fiż-żmien meta Dr Farrugia kien il-President tal-pajjiżi ż-żgħar tal-Commonwealth, fl-aħħar jiem reġgħet ingħatat il-ħajja fil-midja tal-Ażja u bosta kienu dawk li bagħtu jifirħulu għall-viżjoni tiegħu f’dan il-qasam.
L-Ispeaker Farrugia kien għamel żjara fl-uffiċċju ta’ The Asian Age lura f’Novembru tal-2017. Fl-intervista li kellu magħhom, huwa indirizza numru ta’ kwistjonijiet fosthom il-politika internazjonali, id-demokrazija, il-governanza tajba, l-ekonomika l-blu u anke r-relazzjonijiet internazzjonali bejn il-Bangladesh u Malta.

Huwa jsemmi kif Malta kienet ipproponiet għall-ewwel darba l-liġi internazzjonali dwar l-ibħra fl-1967 li mbagħad saret liġi fin-Nazzjonijiet Magħquda fl-1983. Din hija magħrufa aħjar bħala l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-liġi tal-ibħra (UNCLOS).

L-Ispeaker qal li Bangladesh u Malta jistgħu jikkoperaw flimkien billi jużaw inizjattivi marittimi konġunti. “Malta ilha pajjiż ewlieni għall-bini tal-vapuri u s-servizzi mogħtija fil-port mis-sekli 15 u 16. L-awtoritajiet marittimi f’Malta u l-awtoritajiet fil-Bangladesh jistgħu jaħdmu flimkien billi jesploraw il-potenzjal tal-ekonomija l-blu.”

“Barra minn hekk, il-Bangladesh jista’ jaħdem biex jesporta l-prodotti tiegħu lejn l-Unjoni Ewropea permezz tal-Port Ħieles ta’ Malta,” żied isemmi l-Ispeaker f’din l-intervista.

Huwa rrefera wkoll għall-Istitut tal-Liġi Marittima Internazzjonali (IMLI) fejn qal li din hija organizzazzjoni Maltija għall-istudji tal-oċeani u li studenti minn madwar id-dinja jżuru dan l-istitut biex jistudjaw dwar il-liġi marittima.

Ekonomija

Sport