Friday, December 20, 2024

“Nistieden aktar nies jingħaqdu magħna għax magħna taf fejn int” – il-PM Robert Abela

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Waqt id-diskors tiegħu b’rabta mal-budget 2022, il-Prim Ministru enfasizza dwar l-għaqda u l-importanza li l-gvern iħares lejn il-batut u ma jħallihx jaqa’ lura. Abela ma naqasx milli jitkellem dwar il-firda tal-Partit Nazzjonalista u qal li dawn waslu biex immassakraw bla ħniena lill eks-Kap tagħhom. “Jimmassakraw bla ħniena lil xulxin, se jaslu qatt biex iħossu l-weġgħat tan-nies? Ftakar x’kont għedtlek Sur Kap tal-Oppożizzjoni sena ilu: Għad jagħmlulek kif għamlu lil ta’ qablek. U din is-sena ngħidlek: Daqt jagħmlulek kif għamilt int lil ta’ qablek. Hekk ħsiebhom dawk li poġġewk fuq dak is-siġġu, fihom infushom. Ara aħna ħsiebna fil-poplu” , qal AbelaAbela sostna li dan il-budget jara li jimla l-gaps bejn il-klassijiet soċjali biex kulħadd jibqa’ miexi ’l quddiem.

Il-Pandemija u l-investiment fis-Saħħa

Dwar il-pandemija, Abela fakkar li l-Oppożizzjoni kienet qalet li pajjiżna se jkollu biss aċċess għal 40,000 tilqima, iżda llum pajjiżna wasal fi stat li ta aktar minn 800,000 tilqima u beda proċess b’saħħtu u konsistenza ta’ tilqim tal-booster dose. Fakkar li l-Oppożizzjoni rredikolat lill-gvern għax kien wiegħed li se jikseb l-ewwel konsenji tal-vaċċin sa Jannar u li gvern Laburista mhux talli żamm kelmtu, talli l-ewwel konsenji ġew ġimgħat qabel il-previst. “Fi żmien l-iswine flu, pajjiżna kellu jitkarrab biex jikseb il-vaċċin għan-nies tiegħu, illum f’pandemija bħalma kienet il-Covid-19, pajjiżna kien kontributur ewlieni biex jgħin u jagħti lil ħaddieħor, dożi u tagħmir u apparat mediku fost għajnuniet oħra”, sostna Robert Abela.

Aktar investiment fis-settur tas-Saħħa

Hawnhekk Abela tkellem dwar il-prijorità l-ġdida tas-Saħħa għax-xhur li ġejjin u dan il-budget jikkonferma kemm pajjiżna se jinvesti fil-qasam tas-saħħa mentali biex pajjiżna jkollu ċittadini aktar b’saħħithom. Rigward il-ħaddiema li jaħdmu f’dan is-settur, il-Prim Ministru qal li taħt gvern Laburista dawn il-ħaddiema baqgħu jiżdiedu għax dan is-settur huwa l-bażi tal-kwalità tal-ħajja tal-poplu Malti u Għawdxi. Abela qal li dan il-gvern se jara li jibqa’ jkollna servizz aċċessibbli għal kulħadd u xi ftit iżjed għal ċertu individwi li għandhom aktar bżonn minn ħaddieħor. Rigward il-kumment tal-Kap tal-Oppożizzjoni dwar “tberbiq” u “ħela”, Abela wieġeb li dan il-gvern mhux se jixxaħħaħ fejn tidħol is-saħħa tal-poplu.

In-nies se tagħżel hi lil min tixtieq bħala ministru tas-Saħħa”

Robert Abela

“Dak li int għidtlu impotenti, il-WHO tirreferi għalih bħala awtorità u tfaħħru u b’hekk l-għażla issa tibqa’ f’idejn in-nies biex tagħżel jekk tridx lilu jew xi ħadd minn ta’ madwarek biex imexxi s-settur tas-saħħa”, qal Robert Abela b’reazzjoni għal dak li qal Bernard Grech dwar il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.

Għajnuna għall-1st time buyers

Rigward il-first time buyers, il-Prim Ministru qal li dan il-gvern mhux talli ta widen liż-żgħażagħ, iżda talli ressaq tliet miżuri b’saħħithom li se jagħtu opportunità bħal qatt qabel lil dawk kollha li jiġu biex jixtru l-ewwel residenza tagħhom b’għajnuniet finanzjarji dinjitużi.







Aktar Spazji miftuħa

Rigward il-ħin rikreattiv fi spazji miftuħa, Abela qal li x-xogħol f’Ta’ Qali miexi ġmielu u filwaqt li rringrazzja lill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg għall-ħidma kontinwa tiegħu, qal li dan il-proġett se jkun qiegħed joffri qabża fi kwalità lill-post. Il-Prim Ministru qal li dan il-gvern se jkun qiegħed ikompli jsaħħaħ il-kredenzjali tiegħu fejn jidħol l-ambjent u dan se jkun qiegħed iwettqu bi spazju mħaddar daqs il-Buskett.

Trasport pubbliku u proġetti ambizzjużi

Rigward il-proġett massiv tat-trasport pubbliku, Abela qal li mit-tħabbir tal-istudju li beda b’rabta mas-servizz tal-Metro, il-poplu beda diskussjonijiet vibbranti li jagħmlu sens u jikkonfermaw dwar l-importanza ta’ dan il-proġett li jista’ jkun qiegħed jieħu numru ta’ snin. Rigward il-bidla għall-vetturi elettriċi, Abela qal li x’aktarx gvern Nazzjonalista kien jgħolli r-reġistrazzjonijiet ta’ vetturi tradizzjonali b’tali mod li l-individwi ma jkunux jaffordjaw dawn il-karozzi. Minflok, gvern Laburista għażel li jagħti għajnuniet ta’ eluf ta’ ewro għall-din il-qalba. Hawnhekk Abela wiegħed lin-negozji li bħalma fl-aħħar xhur investa €1.5 biljun biex isalva n-negozji, l-istess se jibqa’ jagħmel biex jara li din il-qalba tkun waħda sostenibbli. Il-viżjoni ta’ dan il-gvern hija ekonomija u ambjent li jridu jsostnu u jikkumplimentaw lil xulxin fejn Malta u Għawdex ikollok żvilupp u estetika li jimxu id f’id.

Ekonomija reżiljenti

Il-Prim Ministru tkellem dwar it-tkabbir ekonomiku u li gvern Laburista kien kapaċi jifhem li mal-ewwel xokk tal-pandemija, kien hemm bżonn ta’ injezzjoni biex jagħti kuraġġ lill-familji. Il-pjan ta’ riġenerazzjoni kien l-injezzjoni li għenet lill-Maltin iqumu għall-okkażżjoni għax pajjiżna ma setax ma jipproteġix dak li nkiser mill-2013 lil hawn. Ir-realtà li ġabet magħha l-pandemija kienet li f’Marzu 2020, l-ewwel każi tal-pandemija setgħu kissru dan kollu, iżda pajjiżna baqa’ reżiljenti. Gvern Laburista investa fl-Għawdxin u grazzi għall-investiment li sar fil-ħaddiema Għawdxin, illum ħafna ħaddiema Għawdxin qegħdin jaħdmu fis-settur privat f’Għawdex stess. Rigward il-fatt li dan il-budget ħalla barra lill-Għawdxin, Abela qal li gvern Laburista jara li l-Għawdxin ikun fil-qalba ta’ kull deċiżjoni li tittieħed u mhux bħalma kien isir taħt gvern Nazzjonalista li kien isemmi lill-Għawdxin fl-aħħar kapitlu tal-qari tal-budget.

Politika ekonomika għall-PN tfisser issikkar taċ-ċintorin

Tkellem ukoll dwar il-prezzijiet tal-fjuwil u li minflok l-politika tal-Partit Nazzjonalista li jgħolli l-prezzijiet, pajjiżna mhux talli ma għamilx hekk, iżda talli fl-aħħar xhur pajjiżna ra roħs fil-prezzijiet u li fix-xhur li ġejjin se jkun kapaċi joffri trasport pubbliku bla ħlas għal kulħadd. “Issa verament se jkun jaqbillek b’tal-linja”, kompla jgħid Abela. Dwar il-politika tal-Partit Nazzjonalista, Abela qal li l-politika ekonomika tagħhom tfisser issikkar taċ-ċintorin, minflok Partit Laburista jinvesti fin-nies biex ikunu huma li jdawru r-rota ekonomika bl-investimenti tagħhom.

Politika li taħdem u li twassal għar-riżultati

“Din hija l-Malta u l-Għawdex li rridu nħallu lil uliedna. Għandna l-inqas numru ta’ ħaddiema jirreġistraw fl-istorja ta’ pajjiżna. Konna mdorrijin f’riċessjoni ħafna iżgħar li dawk bl-inqas dħul ibatu l-aktar, bi tkeċċijiet, pensjonijiet iffriżati, żgħażagħ bla impjieg, iżda aħna wrejna li bħala tim Malta nistgħu naffrontaw kull maltemp u nibqgħu mexjin ’il quddiem”, tenna jgħid Abela. Rigward il-livell ta’ esportazzjoni ta’ pajjiżna, Abela qal li n-negozji ta’ pajjiżna qegħdin isibu l-kopetituri tagħhom jinsabu magħluqin u b’hekk id-domanda tagħhom qiegħda tiżdied. Minkejja l-isfidi tal-aħħar xhur, il-livell ta’ esportazzjoni jinsab viċin dak tal-istess perjodu tal-2019, fi żmien li kien għadha ma feġġitx il-pandemija u skont il-Prim Ministru dan kollu seta’ jkun possibbli għax għandna politika li taħdem.

“Dawk li jiktbulek id-diskorsi messek tgħidilhom biex jagħmlu r-riċerka”

Rigward il-qalba diġitali, Abela qal li jeħtieġ ninvestu fil-ħiliet tan-nies. Rigward skemi ta’ taħriġ proposti mill-Kap tal-Oppożizzjoni tal-bieraħ, Abela ssuġġerielu li jigwida lil dawk li “jippreparawlu d-diskorsi” biex jagħmlu r-riċerka tagħhom sewwa qabel jersqu b’tali miżuri li diġà jeżistu f’għotjiet akbar minn dak propost, anke b’għotjiet finanzjarji.

Għal darba, darbtejn, tlieta, matul id-diskors tiegħu l-Prim Ministru fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li biex tanalizza u titkellem dwar budget imressaq l-ewwel jeħtieġ li taqrah u dan hekk kif fakkru dwar skemi li diġà jeżistru u li Bernard Grech ilbieraħ ressaq bħala miżuri proposti taħt gvern Nazzjonalista.

Il-pensjonijiet

Dwar il-pensjonijiet, Abela qal li spiċċa ż-żmien li dawn jingħataw minn banda u jittiħdilhom minn banda oħra. Il-pensjonanti se jkunu qegħdin jieħdu minn tal-anqas żieda ta €5 fil-ġimgħa. Hawnhekk ukoll bħal żelaq il-kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech wara li lbieraħ qal li ż-żieda fil-pensjonijiet tkun id-doppju tal-COLA u b’hekk dan ikun ifisser li huma kienu se jiżdiedu €3.5 minflok il-€5 jew aktar li se jkun qiegħed jagħti dan il-gvern.

Robert qal li pajjiżna laqa’ d-deċiżjoni tal-FATIF b’determinazzjoni u mhux b’suppervja. Qal li l-awtoritajiet qegħdin jieħdu dan is-suġġett b’serjetà kbira u li għalkemm ma jistax jintrabat b’perjodu ta’ kemm ġranet se jkun hemm bżonn biex pajjiżna jitneħħa mil-lista l-griża, għaddejja ħidma biex pajjiżna jitneħħa minn din il-lista fl-iqsar żmien possibbli.

Kulħadd għandu jħallas it-taxxi dovuti

Hekk kif beda joqrob lejn l-għeluq, Abela qal li kulħadd jeħtieġ li jagħmel il-parti tiegħu u jħallas it-taxxi dovuti biex il-gvern jiġbor u jkun jista’ jerġa’ jinvesti dawn il-flus fil-poplu. Hawnhekk fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li dak li għamel hu fil-passat kien jikkontradixxi dak li qiegħed iwiegħed u dan hekk kif fil-passat għażel li jevadi t-taxxi u jħallas biss lejliet l-elezzjoni għall-ħatra tal-Kap. Abela staqsa lill-president tal-Kamra dwar kif jista’ jkollok Prim Ministru li jistħi jgħid li hu Malti.

Pajjiżna ‘l quddiem irid jimxi mhux lura

Fi tmiem id-diskors tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-ħolma tal-Kap tal-Oppożizzjoni jekk jirbaħ hu l-elezzjoni ġenerali li jmiss se jkollna pajjiż li jmur lura għall-1987. Filwaqt li rrikonoxxa t-tajjeb ta’ dak iż-żmien Abela saħaq li “Le pajjiżna ’l quddiem irid jimxi”. Il-Prim Ministru qal li jifhem li hawn min għadu qatt ma ħassu komdu jersaq lejn il-PL, u oħrajn li lesti jagħtuh il-fiduċja imma għad għandhom id-dubji. Huwa talabhom biex jersqu u jagħtu l-kontribut tagħhom għax pajjiżna ma jista’ jitlef lil ħadd għax gvern kompetenti li jmexxi l-pajjiż huwa ffurmat mill-ħiliet ta’ kulħadd. 

“Li hu żgur huwa li se naqblu fuq ħaġa waħda żgur, l-imħabba lejn pajjiżna u lejn uliedna u dan il-budget juri kemm magħna taf fejn qiegħed”, temm jgħid Abela.

Ekonomija

Sport