Wednesday, July 24, 2024

NITLOB VOT TA’ FIDUĊJA GĦAL IKTAR KISBIET

Intervista mal-Prim Ministru Robert Abela qabel l-għażla f’idejn il-Maltin nhar is-Sibt li ġej.

Aqra wkoll

“Il-kisbiet li għamilna bħala pajjiż huma bis-saħħa tal-bżulija tal-Maltin u l-Għawdxin iżda vot b’saħħtu nhar is-Sibt illi ġej ifisser vot ta’ fiduċja biex niksbu aktar.” Messaġġ li ħareġ minn intervista li din il-gazzetta għamlet mal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela.

Ma’ IT-TORĊA, Dr Abela qal li l-akbar żball huwa li ngħidu li ma nistgħux nibqgħu nikbru ekonomikament, li ma nibqgħux noħolqu impjiegi. Dak huwa s-sors ta’ ġid li jkun qed jinħoloq biex imbagħad jitqassam b’ġustizzja soċjali.

Insaħħu l-middle-class

“Dak huwa s-Soċjaliżmu li aħna kburin bih. Prinċipju ewlieni li ngħinu liż-żgħir u lil kulħadd. Ħu mill-eżempju tal-għotja li għadna kemm tajna lill-ġenituri ta’ tfal li komplew jistudjaw.

Fi kliem ieħor qed nestendu ċ-Children’s Allowance għal ġenituri ta’ tfal li qed jistudjaw mill-post-sekondarja ’l quddiem. Għotja b’saħħitha ta’ €1,500 fuq medda ta’ tliet snin fejn issa tajna l-ewwel pagament ta’ €500”, qal il-Prim Ministru magħna hu u jisħaq li b’din l-għotja qed inkomplu nsaħħu l-middle-class.

Investiment fin-nies li se jibqa’

Lill-Prim Ministru nsaqsuh dwar l-andament ekonomiku, l-għajnuna fuq l-enerġija kemm hi sostenibbli u l-isfida tal-inflazzjoni. Mill-ewwel imur fuq is-sussidju tal-enerġija u jgħid li l-għajnuna, li hi ta’ spalla għall-familji u n-negozji tibqa’ hemm sakemm neħtieġu. “Huwa propju għalhekk importanti li jkollna ekonomija b’saħħitha għax din tippermetilna insostnu l-investiment soċjali u l-għajnuniet li nibqgħu nagħtu b’mod konsistenti”, qal mat-Torċa l-Prim Ministru.

Ħidma ffukata kontra l-inflazzjoni

Propju hawn tkellem dwar ir-realtà tal-inflazzjoni, li qal li l-Gvern qed ikompli jindirizza. Saħaq magħna li l-istabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija u l-fjuwil kienet kruċjali iżda mbagħad kellek sitwazzjoni fejn l-inflazzjoni għolliet rasha fil-prezzijiet tal-ikel. Spjega kif hawnhekk kien hemm għażla.

Jew li nagħmlu bħal ta’ qabilna u ngħidu li din inflazzjoni impurtata minn barra u allura ma jista’ jsir xejn jew inkella nagħrfu x’deċiżjonijiet nistgħu nieħdu u nimplimentaw.

Il-Prim Ministru semma l-inizjattiva ta’ Stabbiltà, li ġabet roħs u prezz stabbli f’aktar minn 450 prodott essenzjali tal-ikel. Inizjattiva li ħalliet diġà l-ewwel riżultat fejn l-inflazzjoni mhux biss immoderat imma niżlet bin-nofs u marret għal-livell ta’ Ottubru sa minn mindu bdiet titħaddem l-iskema ta’ Stabbiltà fil-bidu ta’ Frar li għadda.

“Ilħaqna ftehim li kienu jgħidulna se tagħmlu ġennata dwaru imma aħna lesti nimplimentaw favur in-nies u ġibna flimkien lill-impurtaturi, lis-sidien tas-supermarkets u anki lis-sidien tal-ħwienet iż-żgħar”, innota l-Prim Ministru Robert Abela.

Inkjesta Vella u l-establishment

Neqilbu s-suġġett u mal-Prim Ministru nitkellmu dwar l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u l-iżviluppi li kellna bil-proċeduri fil-Qrati li bdew din il-ġimgħa. Il-Prim Ministru jirrimarka kif huwa dejjem tkellem fuq fatti kif stabbiliti, jiġifieri li kellek inkjesta b’terminu stipulat ta’ 60 jum li ħadet erba’ snin u nofs u li ġiet ippreżentata mill-Maġistrat Gabriella Vella lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fis-siegħa li fetħu n-nominazzjonijiet għall-elezzjonijiet ta’ nhar is-Sibt li ġej. Nistaqsuh jekk kummenti li saru humiex f’lokhom u jekk dan hu lok ta’ nuqqas fis-saltna tad-dritt.

Il-Prim Ministru dlonk iwieġeb li r-rimarki tiegħu bħala Prim Ministru dejjem kienu dwar time-line ta’ kif seħħew l-affarijiet marbuta mal-inkjesta Vella.

Fakkar kif kulħadd; kemm hu bħala l-eżekuttiv tal-pajjiż u istituzzjonijiet oħra bħall-Qrati għandhom l-iskrutinju tagħhom f’pajjiż demokratiku. Innota mbagħad kif f’pajjiżna l-establishment, li qabel l-2013 kellu l-poter u llum minn wara jiġbed l-ispag tal-Oppożizzjoni, jagħmel manuvri uattentati biex jiddistabilizza l-pajjiż u jipprova jerġa’ jikseb il-poter billi jimbotta aġenda ta’ firda u mibegħda.

Innota wkoll aġir ta’ Oppożizzjoni li għandha double standards fejn tattakka lil min ma jdoqqx id-diska tagħha u thedded b’diżubbidejenza parlamentari.

Il-Prim Ministru qal li huwa għalhekk li l-għażla tat-8 ta’ Ġunju hi waħda importanti li kulħadd irid jagħmel. Jiġifieri jekk hux se nħallu establishment li jreġġa l-arloġġ lura jew Gvern li b’vot b’saħħtu ta’ fiduċja fih ikompli jmexxi lil dan il-pajjiż ’il quddiem b’aktar kisbiet, primarjament soċjali iżda anki oħrajn. Hawn Dr Abela jsemmi magħna l-ambjent, aspett li jistqarr li jgħid li rridu nkomplu nuru kemm nistgħu nagħmlu aktar.

Opportunità minn sfida ambjentali

Fl-intervista l-Prim Ministru jirreferina għal investiment li fabbrika Torka bl-isem ta’ Gimas se tkun qed tagħmel billi tibni fabbrika f’Malta u toħloq 44 green job fil-qasam tal-manifattura tat-turbini tar-riħ. “Dan hu eżempju ħaj ta’ meta ngħidu kif minn sfida marbuta mal-bidla fil-klima nistgħu noħolqu opportunità”, innota l-Prim Ministru hu u jisħaq li mbagħad dwar temi oħra bħall-ispazji fejn ngħixu u l-ippjanar irridu nkunu aktar sodi u nwasslu argumenti li fihom jirrenjaw il-bon sens.

“Ħu mill-każ ta’ żvilupp propost f’San Ġwann fuq art verġni. Mal-ewwel ħriġna kontrih u konna ċari fuqu daqskemm ilna sodi fuq kwistjonijiet oħra bħal Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex”, qal il-Prim Ministru, li spjega kif żviluppi li jmorru kontra l-viżjoni anki soċjali li jħaddan il-Partit Laburista ma għandniex nsibuha bi tqila li ngħidu x’nemmnu. “Aħna l-Gvern li konna ċari fuq dak li għamel Gvern Nazzjonalista b’daqqa ta’ pinna fl-2006 meta biddel il-Pjanijiet Lokali u meded t’art verġni daqs is-Siġġiewi kollha tefgħahom għal żvilupp. Aħna mhu se niġbdu l-ebda tapit minn taħt sieq ħadd u drittijiet li nkisbu, mhux se nkunu aħna li neħduhom iżda fejn artijiet ODZ jistgħu jiġu żviluppati u huma tal-Gvern, allura hemmhekk aħna bħala Gvern ħa mmexxu bl-eżempju u dawn l-artijiet pubbliċi iservu biss ta’ ġid għall-komunità bħal ma għamilna f’bosta postijiet bħal Ħal Lija u Ħal Luqa li qed jinbidlu fi spazji miftuħa”, qal Dr Abela.

L-għażla tat-8 ta’ Ġunju

Fl-aħħar staqsejna lil Prim Ministru dwar l-aħħar jiem tal-kampanja elettorali u s-sondaġġi, li juru fiduċja fil-Partit Laburista iżda anki parti sostanzjali mill-elettorat indeċiża tmurx tivvota nhar is-Sibt illi ġej. Il-Prim Ministru weġibna li kull elezzjoni tibda xejn b’xejn u l-uniku stħarriġ li jissiġġilla l-għażla tal-Maltin huwa dak tas-Sibt li ġej. Huwa appella biex kulħadd imur jiġbor id-dokument tal-vot, anki jekk indeċiż.

Imbagħad qal li fejn hemm differenzi jew ħtiġijiet x’nindirizzaw, il-Partit Laburista huwa dispost dejjem li jpoġġi bil-qiegħda man-nies u jara fejn jista’ jindirizza aħjar il-ħtiġijiet tan-nies. Fisser kif kull votant għandu jsaqsi lilu nnifsu jekk tul is-siegħa tal-prova waqt sfidi internazzjonali, sabx spalla minn Gvern li baqa’ jinvesti fih bis-saħħa.

Staqsa wkoll jekk fuq livell Ewropew liema hu dak it-tim li jaħdem favur Malta dejjem jew għall-interessi personali tiegħu lest anki jaħdem kontra pajjiżu. Qal li l-għażla tinsab f’idejn il-poplu għax bis-saħħa tiegħu li ksibna ħafna u bis-saħħa tiegħu nagħtu s-Saħħa lill-Maltin fuq livell Ewropew u anki fuq livell lokali.

Ekonomija

Sport