“Nitolbu għal dawk  li se jidħlu fil-Qrati tagħna matul is-sena li għandna quddiemna” – l-Arċisqof Charles Scicluna

Aqra wkoll

“Nitolbu għal dawk kollha li se jidħlu fil-Qrati tagħna matul is-sena li għandna quddiemna: dawk li jfittxu l-ġustizzja, dawk akkużati b’għemil ħażin, dawk li jġorru l-ġrieħi, dawk li jiddefendu d-drittijiet, dawk li jagħtu x-xhieda, dawk mgħobbija bil-piż tad-deċiżjonijiet li jridu jieħdu. U b’mod speċjali nitolbu għalikom li ġejtu fdati bir-responsabbiltà solenni li tamministraw il-ġustizzja”.

Dan qalu l-Arċisqof Charles Scicluna waqt il-quddiesa tal-ftuħ tas-Sena Ġudizzjarja Ċivili li saret dalgħodu fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt. Scicluna qal; “J’Alla l-Qrati tagħna jkunu postijiet fejn is-setgħa tmil quddiem il-liġi, fejn il-liġi tibqa’ għas-servizz tal-persuna umana, u fejn it-tfittxija għall-verità ma tegħja qatt”.

Fisser kif fil-bidu ta’ Sena Ġudizzjarja oħra, dawk preżenti ġew quddiem Alla konxji mill-piż u mid-dinjità tal-ħidma fdata lil dawk li jamministraw il-ġustizzja. Dwar dan, Scicluna kompla jfisser li; “Ma niġux sempliċement biex nitolbu lil Alla jbierek sena oħra ta’ ħidma. Niġu biex inqiegħdu din il-ħidma taħt il-ġudizzju tiegħu. Għax qabel ma niġġudikaw, aħna wkoll niġu ġġudikati: mill-verità, mill-kuxjenza tagħna, mill-esiġenzi tal-ġustizzja, u fl-aħħar mill-aħħar minn Alla li, kif tfakkarna l-Iskrittura, “ma jħares lejn wiċċ ħadd” (Rum 2:11)”.

Saħaq fuq l-importanza li fil-bidu ta’ din is-Sena Ġudizzjarja, forsi dawn il-ħames prinċipji jistgħu jsiru ħames impenji: “Infittxu l-verità. Insawru l-kuxjenza. Nibnu l-fiduċja. Naqdu l-ġid komuni.Nirrispettaw il-proċess”. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport