Viktoria Kjær Theilvig hija mudella u reġina tas-sbuħija Daniża li għamlet storja meta saret l-ewwel mara Daniża li rebħet it-titlu ta’ Miss Universe fl-2024.
Hija twieldet fit-13 ta’ Novembru 2003 f’Herlev, subborg ta’ Copenhagen, id-Danimarka, u studjat negozju u kummerċjalizzazzjoni fil-Lyngby Handelsgymnasium.
Barra mill-istudji tagħha, hija magħrufa wkoll bħala żeffiena professjonali u għax-xogħol tagħha favur għarfien dwar is-saħħa mentali, id-drittijiet tal-annimali u fl-industrija tas-sbuħija.
Il-vjaġġ tagħha fil-kompetizzjonijiet tas-sbuħija beda meta ħadet sehem f’Miss Denmark 2021, fejn spiċċat fit-tielet post.
Aktar ’il quddiem irrappreżentat lid-Danimarka f’Miss Grand International 2022 fl-Indoneżja, fejn waslet fost l-aqwa għoxrin parteċipant.
Fl-2024, wara li l-parteċipanta oriġinali ta’ Miss Denmark 2024 irtirat, Theilvig ġiet appuntata biex tirrappreżenta lid-Danimarka f’Miss Universe.
Il-prestazzjoni tagħha fil-kompetizzjoni, li saret fil-Belt tal-Messiku, kienet immarkata mill-eleganza, il-preżenza, u l-istorja personali ispiranti tagħha – u waslet saħansitra biex rebħet dan it-titlu storiku.
Bħala Miss Universe 2024, Theilvig qed tuża l-pjattaforma tagħha biex tippromwovi kawżi li huma għal qalbha, bħall-għarfien dwar is-saħħa mentali u d-drittijiet tal-annimali.
Ir-rebħa tagħha mhux biss kienet kisba importanti għad-Danimarka fil-qasam tal-kompetizzjonijiet internazzjonali tas-sbuħija, iżda wriet ukoll l-impenn u r-reżiljenza personali tagħha.
Din il-mudella mill-isbaħ kemm minn barra kif ukoll minn ġewwa kienet f’Malta fil-jiem li għaddew fejn saqsejniha xi mistoqsija.
L-ewwelnett hi bdiet billi qalet li għaliha din hi l-ewwel darba li qed iżżur il-gżejjer Maltin.
“Ninsab ferm eċitata li qed inżur dawn il-gżejjer. Kelli ċ-ċans nagħmel riċerka żgħira dwar Malta u Għawdex u ndunajt kemm dan il-pajjiż għandu storja ferm sabiħa u fuq kollox bajjiet pittoreski. Ingħatajt laqgħa ferm sabiħa minn dawk kollha involuti fil-qasam tal-moda u dan kollu jagħmilni ferm sodisfatta.”
Victoria kellmitni dwar Miss Universe Malta Beatrice Njoya u fissritha bħala mara vibranti u ferm pożittiva. Ammettiet li bħala persuna tispiraha ħafna għax il-messaġġi pożittivi tagħha huma sbieħ.
Hi sostniet li tul ħajjitha dejjem ħolmot u dan il-ħolm dejjem wassal biex l-affarijiet isiru reali.
Fis-16 ta’ Novembru 2024, fil-Belt tal-Messiku, Victoria Kjær Theilvig ġiet inkurunata bħala Miss Universe 2024 waqt it-73 edizzjoni tal-kompetizzjoni li saret fl-Arena Ciudad de México. Hi fissritilna kif ħassitha wara dan ir-riżultat.
“Kont qisni f’xokk, ma stajtx naħseb sew għax kollox deher bħal ħolma għalija. Żgur li ma kontx qed naħseb li kont se nkun jien li nirbaħ din il-kompetizzjoni. Nammetti li stinkajt afna biex nasal fejn wasalt u ninsab kuntenta li dak li ħdimt għalih sar realta’.”
“Domt ukoll ħafna sakemm ipproċessajt dak li għaddejt minnu, peress li kollox ġara malajr ħafna.”
Ir-rebbieħa mill-belt ta’ Søborg – kwartier li jinsab madwar 10 kilometri fit-tramuntana tal-punent ta’ Kopenħagen, id-Danimarka – ispirat ukoll kontinent sħiħ, hekk kif l-aħħar darba li Ewropea rebħet dan it-titlu kienet fl-2016, meta Iris Mittenaere mill-Franza ħadet il-kuruna. Għalhekk, ir-rebħa ta’ Victoria ta’ 21 sena hija sinifikanti fuq diversi livelli.
“Ninsab sa ċertu punt privileġġjata li kelli nkun jien wara 21 sena li nagħti lura dan l-unur lill-Ewropa. Dan kollu jimlini b’ċertu sodisfazzjon iżda dejjem nisħaq dwar il-fatt li dejjem għandi tibqa’ saqajja mal-art.”
Victoria, li hija wkoll żifna u filantropa, qasmet magħna storja dwar oġġett partikolari li tatulha ommha. Hi ġiżirana li dejjem iġorrha magħha għax dejjem itiha ħafna fortuna.
Tkellmet ukoll dwar l-ambjent familjari tagħha li kellu impatt kbir fuq il-karattru tagħha u għamilha l-mara li hija llum. F’din il-konversazzjoni pjaċevoli, Victoria żvelat ukoll xi sigrieti, fosthom jekk tagħmilx id-debutt tagħha fid-dinja tal-atturi wara t-tmiem tar-renju tagħha – fuq il-passi ta’ reġini tas-sbuħija oħra bħalma huma Dayanara Torres u Alicia Machado.
Saqsejna lil Viktoria Kjaer Thielvig kemm hu importanti li mudella tkun sabiħa mhux biss minn ġewwa iżda wkoll minn barra.
“Ovvjament li meta int tieħu sehem f’konkors tas-sbuħija, il-parti ta’ barra hi importanti iżda mhux kollox. Hemm ukoll il-parti interjuri, iġifieri l-karattru tiegħek li narah ferm fundamentali għax minn hemm toħroġ il-personalita’ u kif wieħed jitratta mal-proxxmu.”
Semmiet ukoll il-ħidma tagħha fil-filantropija u għaqdiet oħra tal-karita’.
“Bħala karattru jien inħenn għal kulħadd. Inħoss ħafna għan-nies li jinsabu neqsin minn xi affarijiet bażiċi u dejjem nipprova ngħinhom. Minn meta kont għadni tifla kont nagħti daqqa t’id lil dawk in-nies fil-bżonn anke għax il-ġenituri tiegħi tellgħuni b’valuri verament sodi u dawn qed nipprova napplikahom matul ħajti. Ommi dejjem għallmitni li dejjem għandi nibqa’ umli u qed nwettaq dan kollu.”
Finalment saqsejna lil Miss Universe 2024 dwar il-futur tagħha. Kif taraha Viktoria Kjaer Thielvig minn hawn u għaxar snin oħra?
“Nittama li nibqa’ għaddejja fil-qasam tal-immudellar għax hu settur li verament jogħġobni. Għandi pjanijiet kbar għall-futur peressli jien għad għandi 21 sena. Ta’ 31 sena narani nkompli għaddejja u forsi niftaħ xi tip ta’ negozju relatat ma’ dan il-qasam. Hi l-ħolma tiegħi li nasal għal dan kollu. Nixtieq ukoll li nkompli nispira lin-nies bl-eżempji tajbin għax kif jgħidu l-eżempju jkaxkar (ovvjament dak tajjeb).”