Saturday, October 26, 2024

“Nixtieq għallinqas li mmexxi team taż-żgħażagħ f’Malta”

Sergio Afric - Coach tal-waterpolo

Aqra wkoll

Sergio Afric hu coach tal-waterpolo li m’għandu bżonn tal-ebda introduzzjoni. F’pajjiżna hu kkowċja diversi timijiet fosthom Sliema, Neptunes, Sirens u San Ġiljan. Bħala coach stabilixxa ruħu bħala wieħed rebbieħ apparti li jagħti ċans liż-żgħażagħ juru t-talenti tagħhom hekk kif dejjem idaħħalhom f’xi mument ta’ logħba waterpolo.

Afric twieled fl-20 ta’ Lulju 1960 u llum il-ġurnata għandu 62 sena. Hu meqjus ukoll bħala wieħed minn dawk il-coaches barranin li kiseb suċċess fil-waterpolo lokali.

Wara li rebaħ il-kampjonat ma’ San Ġiljan fil-bidu tas-snin disgħin, mexxa wkoll lil Sirens għar-rebħ tat-titlu fis-sena 2000.

Sliema ħatru lil dan il-coach sena wara u hawnhekk kiseb suċċess kbir magħhom tant li rebaħ erba’ kampjonati tas-sajf konsekuttivi.

Fis-sena 2005, Afric ħass li kellu bżonn motivazzjoni ġdida u wara s-suċċess li kiseb mas-Slimiżi, kien imiss issa li jingħaqad ma’ Neptunes Waterpolo Club. L-għan tiegħu kien wieħed dikjarat; dik li jtemm in-nixfa ta’ titli u n-nuqqas ta’ tazzi li kienu ilhom neqsin minn dan il-club sa mis-sena 1993. Għalkemm falla fl-objettiv tiegħu fl-ewwel tentattiv, is-sentejn ta’ wara kienu memorabbli hekk kif rebaħ il-kampjonat darbtejn b’mod konsekuttiv.

L-imħabba lejn Sliema baqgħet hemm tant li kien hemm ir-ritorn tiegħu fis-sena 2008. Sena wara Afric reġa’ għamilha bil-kbir hekk kif il-Blues rebħu l-kampjonat tax-xitwa, dak tas-sajf u anke l-kompetizzjoni knock-out. Hu kompla għaddej bil-kullana ta’ suċċessi bit-trofej tal-kampjonat tax-xitwa fl-2010, 2011 u l-2012. F’dik l-istess sena mexxa wkoll lit-team nazzjonali Malti.

Talk.mt tkellem ma’ Afric li kif għedna llum jgħodd it-72 sena. Ftit tal-jiem ilu, hu ġie akkwistat minn Piacenza Pallanuoto sabiex b’hekk se jibda esperjenza ġdida fl-Italja.

“Issa ili tliet ġimgħat hawnhekk u ninsab ferm kuntent b’din l-esperjenza l-ġdida li għandi. Il-ftit ġranet li ili hawn qed nara ħafna affarijiet differenti fosthom il-livell ta’ waterpolo li hawn kif ukoll il-parteċipazzjoni li hawn speċjalment miż-żgħażagħ Taljani. Jien għandi għal qalbi l-players emerġenti u hawnhekk hawn 170 player li qegħdin f’xi kategorija jew oħra fosthom it-tim ta’ taħt l-14, is-16, it-18 l-20 sena. Meta jkollok dan in-numru hekk kbir ma tistax ma tkunx sorpriż kif ukoll kuntent.”

Piacenza Pallanuoto hu team li jilgħab fis-Serie B lokali. Din hi t-tielet kategorija tal-waterpolo Taljan hekk kif qabilhom hemm is-Serie A1 u s-Serie A2. L-għan ta’ Afric hu li jgħin lit-tim jistabilixxi ruħu f’din id-diviżjoni sabiex imbagħad jittanta xortih għall-promozzjoni fis-Serie A2.

Saqsejna lil Sergio Afric dwar il-livell tal-waterpolo Taljan ikkomparat ma’ dak Malti.

“M’hemmx dubju li meta ssemmi l-Italja, il-livell tal-waterpolo hu wieħed ferm għoli. Diġa rajt livell superjuri fis-serie B meta tqis li din hi t-tielet kategorija ta’ dan l-isport.”

“Madankollu ma nistax ma nsemmix il-livell tal-waterpolo Malti li żdied ħafna f’dawn l-aħħar snin fejn iż-żgħażagħ li telgħin qed ikunu ferm tajbin. Huma kellhom iċ-ċans jieħdu sehem f’żewġ kompetizzjonijiet ferm prestiġġjużi u dan se jgħinhom ħafna sabiex iġibu aktar esperjenza. Minn qalbi nixtieq ħafna affarijiet sbieħ lit-timijiet nazzjonali Maltin għax kif taf int stess, dan il-pajjiż hu ferm għal qalbi.”

Saqsejna lil dan il-coach veteran dwar il-futur tiegħu issa li ngħaqad ma’ Piacenza Pallanuoto. Hu qalilna li hu ffirma kuntratt ma’ dan it-tim għat-tliet snin li ġejjin fejn beda mix-xahar ta’ Settembru u jispiċċa l-istaġun f’Ġunju. Madankollu hu xorta waħda għandu l-pjan li jirritorna ftit f’Malta u jmexxi xi team lokali matul it-tliet xhur tas-sajf.

“Nixtieq għallinqas li mmexxi team taż-żgħażagħ. Bħalma jaf kulħadd speċjalment dawk midħla tal-waterpolo lokali, hu dejjem gost u pjaċir tiegħi li nikkowċja fil-gżejjer Maltin. Għandi rabta kbira lejn dan il-pajjiż u l-vantaġġ li se nikkowċja fl-Italja hu dak li ninsab biss siegħa jew ftit iktar bogħod b’ajruplan.”

Sport