Wednesday, April 24, 2024

“Nixtieq insellem lil dawk kollha li fil-politika taw servizz mingħajr ma ppretendew xejn lura”

Aqra wkoll

F’Jum l-Indipendenza 2022, l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna qasam tliet ħsibijiet ispirati mill-Kelma ta’ Alla li nqraw illum.

“Nixtieq insellem lill-ġenerazzjonijiet kbar ta’ Maltin u Għawdxin li fil-politika taw servizz diżinteressat għall-ġid komuni, jiġifieri taw servizz mingħajr ma ppretendew xejn lura. Jalla jkompli jkollna politiċi bħal dawn għaliex l-indipendenza li aħna akkwistajna fl-1964, irridu nħaddmuha b’sens kbir ta’ responsabbiltà, b’sens qawwi tal-Istat u tal-ħakma tad-dritt, tal-korrettezza, tal-integrità, tal-onestà, u fuq kollox tal-irġulija”. Hekk qal l-Arċisqof ta’ Malta Charles J. Scicluna fl-omelija tiegħu waqt il-Pontifikal Statali f’Jum l-Indipendenza.

“Fil-politika, wieħed malajr jitgħallem l-umiltà għaliex kontinwament huwa msejjaħ iwieġeb għal kif iħaddem ir-responsabbiltajiet tiegħu u jitgħallem ukoll jissottometti ruħu mhux biss għall-iskrutinju tal-poplu, imma kultant ukoll għall-kritika ħarxa. Dan kollu, mingħajr ma trid, jagħmlek umli”. Żied jgħid.

L-Arċisqof imbagħad tkellem dwar it-tieni ħsieb tiegħu. “Hija l-ħtieġa li n-nazzjon tagħna kun dejjem ibbażat fuq il-prinċipju tas-solidarjetà. Kif jgħallem il‑Papa Franġisku, ma nistgħux inħallu l‑ekonomija tieħu post il‑politika. Il‑politika għandha d‑dover li mhux biss tħaddem l‑ekonomija għall‑ġid komuni imma wkoll tikkoreġi l‑liġijiet tas‑suq, li ħafna drabi jafu jħallu lura lil min m’għandux mezzi jew inkella minħabba s‑sitwazzjoni ta’ żvantaġġ fiżiku personali, emottiv jew soċjali, ma jistax ikun parti mit‑tellieqa tas‑suq”.

“Din is‑solidarjetà mhux biss għandha titħaddem fostna u bejnietna, imma anke ma’ ħutna li fil‑Mediterran iħabbtu fuq il‑bieb tal‑qalb tagħna. Aħna nistgħu ngħidu li ma nistgħux inġorru piż li huwa ħafna ikbar mir‑riżorsi tagħna imma dan ma jiġġustifikax li nwebbsu qalbna għal kull għajta ta’ għajnuna” kompla jgħid l-Arċisqof ta’ Malta filwaqt li sellem lill-Forzi Armati ta’ Malta tax-xogħol tagħhom.

Huwa għalaq l-omelija bl-aħħar ħsieb tiegħu, dak li naħdmu favur il-patrimonju tagħna. “L‑aħħar ħsieb tiegħi llum huwa appell biex is‑sens ta’ servizz u s‑sens ta’ solidarjetà napplikawhom kontinwament ilkoll kemm aħna bħala membri tas‑soċjetà Maltija għall‑ambjent li, b’xi mod, huwa protagonist silenzjuż fil‑ħajja tagħna. L‑ambjent naturali huwa patrimonju li aħna rċivejna bħala don tal‑ħolqien u hu mogħti lilna b’responsabbiltà kbira. Irridu nibdew billi ninsew l‑interessi personali ta’ kull wieħed u kull waħda minna biex nifhmu li dawn ikunu verament imħarsa meta nieħdu ħsieb lil xulxin. Għandna d‑dmir li nagħmlu dan għall‑ġenerazzjonijiet futuri; imma nkunu wkoll bla viżjoni jekk ma nirrealizzawx li l‑ħarsien tal‑wirt tagħna huwa l‑akbar kontribut li nistgħu nagħtu biex inħarsu l‑ġid tagħna”

L-Arċisqof sellem ukoll it-tifkira tar‑Reġina Eliżabetta II, li fl‑1964 iffirmat il‑Letters Patent li taw l‑indipendenza lil gżiritna u li l‑poplu tagħna kien ilu jisħaq fuqha u li kien jistħoqqlu.

Sport