Wednesday, April 24, 2024

Gżira United Veterans jirbħu s-Super Cup

Aqra wkoll

Gżira United Veterans rebħu l-ewwel unur tal-istaġun tal-Malta Veterans Associations wara li għelbu lil MFPA bl-għoti tal-penalties. 

Kienet logħba ferm bilanċjata bi Gżira li ħafna mid-drabi kienu minn fuq iżda bl-MFPA li qatt ma qatgħu qalbhom filwaqt li wettqu reazzjoni immedjata.

Gżira marru minn fuq permezz ta’ Jonathan Pearson li avvanza tajjeb u b’xutt fil-baxx għeleb lil Reuben Gauci.

Fit-tieni taqsima, il-Maroons żiedu ieħor permezz ta’ Matthew Bartolo iżda hawn waslet ir-reazzjoni tal-MFPA li skorjaw darbtejn permezz ta’ Jonathan Bondin u Aleksandar Ribic għal skor ta’ 2-2.

Renato Conceicao bir-ras reġa’ poġġa lil Gżira minn fuq għalkemm Mark Barbara skorja gowl drammatiku li ħadet il-logħba għall-ħin barrani.

Fil-ħin barrani, l-MFPA marru minn fuq permezz ta’ l-istess Barbara li b’hekk għaqqad doppjetta personali b’Alex Muscat li skorja l-gowl li eventwalment ħa l-logħba għall-għoti tal-penalties.

Gżira skorjaw il-penalties kollha tagħhom, bl-MFPA ifallu tnejn sabiex il-Maroons setgħu jiċċelebraw l-ewwel unur tal-istaġun bil-qofol jintlaħaq meta l-president tal-VMFA Malcolm Camilleri ppreżenta t-tazza lill-captain ta’ Gżira Andrew Cohen.

Referi kien Peter Abela.

Sport