Friday, October 3, 2025

‘Nixtieq li jirnexxielna navviċinaw rebħiet ta’ unuri għal Sirens ASC’ – Isaiah Riolo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-waterpolo?

Meta kelli tmien snin kont nagħmel taħriġ tal-għawm u rajt ħabib kbir tiegħi jilgħab il-waterpolo. Għidt lill-ġenituri li xtaqt nibda, u bqajt nilgħab minn dak iż-żmien ‘l hawn.

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Sirens ASC sa issa.

Minn dejjem kont kuntent mas-Sirens. Huma bħala klabb minn dejjem urew fiduċja kbira fija u tawni sapport, anki meta saħansitra kont weġġajt u għamilt staġun barra. Illum il-ġurnata, inħoss li vera jgħamlu ħilithom biex jakkomodaw il-bżonnijiet u xogħol ieħor li nagħmel.

Kif tqis il-livell tal-waterpolo Malti fil-preżent?

Naħseb li bħala pajjiż qed nimxu ‘l quddiem fil-livell tal-waterpolo. Nixtieq li nkomplu nibnu fuq ir-riżultati li diġá ksibna, nibgħu ninvestu fil-futur billi nibgħu navvanzaw il livell ta’ teknoloġija bħall-VAR, u ninvestu fir-riżorsi bħal uffiċjali tal-logħba u coaching/team staff li jgħinu kull skwarda timxi ‘l quddiem.

U dak tar-riżorsi (pixxini) fejn tilaghbu l loghob uffiċjali taghkom?

Għalija, il-Pixxina tas-Sirens hija waħda mill-aqwa li hawn Malta, u vera grat li kemm ili nilgħab inbniet fi żmieni mal-klabb.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-waterpolo?

Bil-kuntratt il-ġdid li ffirmajt, flimkien ma xi akkwisti ġodda għall-iskwadra kif ukoll plejers ilhom naqra magħna issa, nixtieq li jirnexxielna navviċinaw rebħiet ta’ unuri għal Sirens ASC. Sakemm nibqa kuntent nilgħab dan l-isport, lest inkompli l-karriera tiegħi.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-waterpolo.

M’hemmx għaġla biex tilħaq postok. Jekk tibda tilgħab mal-kbar ta’ 15-il sena jew ta’ 21 sena, jekk ħaqqek postok se tieħdu. Ara li tibqa’ titgħallem u tikber ma skwadra u komunitá li se jgħallmuk u jgħinuk issir l-aħjar plejer li tista billi jinvestu fil-futur, mhux riżultati ta’ malajr.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport